F’laqgħa dwar l-aħħar żviluppi internazzjonali, il-Prim Ministru Robert Abela sostna li bħala pajjiż se nibqgħu mixjin ’il quddiem nimplimentaw il-ħidma tal-Gvern fejn nagħtu stabbiltà, ċertezza u serħan il-moħħ iżda ffukati wkoll fuq pjan ta’ kontinġenza biex inkomplu nipproteġu l-familji.
F’laqgħa fil-Berġa ta’ Kastilja li fiha saru aġġornamenti fosthom mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu Ian Borg, il-Prim Ministru Robert Abela sostna li pajjiżna huwa sigur u bħala Gvern għandna l-esperjenza li sfida internazzjonali ndawruha f’opportunità. Qal li l-fatt li pajjiżna huwa newtrali u ma għandux bażijiet militari, is-sigurtà tagħna tibqa’ kruċjali biex nibqgħu nattiraw l-investituri u t-turisti.
Dr Abela spjega li s-sitwazzjoni tibqa’ tiġi evalwata siegħa b’siegħa iżda l-għan ewlieni għandu jibqa’ li nkomplu nelevaw il-kwalità tal-ħajja tal-familji u nimplimentaw il-Viżjoni Malta 2050. Saħaq li l-prijoritajiet ta’ pajjiżna jibqgħu l-istess imma ffukati biex nibqgħu t-tarka tal-familji u n-negozji fi żmien ta’ sfidi ġeo-politiċi madwarna.
Fil-laqgħa intervjenew ukoll il-Ministri Silvio Schembri, Byron Camilleri, Miriam Dalli u Clyde Caruana, is-Segretarju Permanenti Ewlieni Tony Sultana, is-Segretarju Permanenti Christopher Cutajar u l-Kap tas-Segretarjat tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru, il-Kurunell Mark Mallia.
Intqal kif issa, l-aħħar informazzjoni qed turi li 215-il persuna talbu l-assistenza tad-Direttorat Konsolari ta’ pajjiżna, b’169 minnhom jinsabu fl-Emirati Għarab Magħquda. Il-bqija tal-persuni, ħafna minnhom jinsabu fil-Qatar, pajjiż ieħor milqut mill-gwerra fil-Golf Għarbi u l-Lvant Nofsani. Ingħataw dettalji wkoll ta’ pjanijiet ta’ evakwazzjoni ta’ ċittadini Maltin hekk kif jinfetaħ l-ispazju tal-ajru f’dawn il-pajjiżi.
Id-diskussjoni saret ukoll marbuta mal-pjanijiet tal-Gvern dwar impatti ekonomiċi u ntqal kif fis-settur tal-enerġija u l-fjuwils pajjiżna għandu diversifikazzjoni u ftehimiet ta’ hedging li qed jassiguraw stabbiltà flimkien mal-politika tal-Gvern li tibqa’ tissussidja biex tilqa’ għall-impatti. Kien hemm aċċenn ukoll dwar il-protezzjoni tal-infrastruttura diġitali u l-moniteraġġ lejn il-katina tal-provvista li mhux stmat li se jkollha impatti għaliex diġà qed topera f’ċirkostanzi fejn għandek l-Istrett ta’ Hormuz u l-Kanal ta’ Swejz affettwati.



