Sunday, December 21, 2025

Il-Prim Ministru Robert Abela flimkien mas-Segretarju Parlamentari Malcolm Paul Agius Galea jżuru dar tal-anzjani

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru Robert Abela, akkumpanjat mis-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva Malcolm Paul Agius Galea, żar l-anzjani f’dar residenzjali privata, waħda minn bosta li l-Gvern jixtri s-sodod biex jakkomodaw l-anzjani. Fil-fatt, fis-settur privat, il-Gvern għandu ftehimiet ta’ xiri ta’ sodod u sħubija bejn il-Gvern u l-privat li jwasslu biex il-Gvern għandu kważi 4,000 sodda biex jakkomoda iżjed anzjani li jirċievu l-kura u l-ħarsien fi djar tal-anzjani madwar il-pajjiż.

Fiż-żjara f’Porziuncola Home huma ltaqgħu mal-anzjani u awgurawlhom għal dawn il-festi filwaqt li l-anzjani kollha ngħatalhom rigal li jgħinhom fil-ħtiġijiet tagħhom ta’ kuljum. Il-Prim Ministru nnota s-servizzi importanti offruti lill-anzjani mill-ħaddiema u professjonisti. Il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li l-Gvern jinsab impenjat sabiex jassigura li kull anzjan li jgħix f’dar residenzjali, kemm pubblika kif ukoll privata, jingħata l-aqwa livell ta’ kura possibbli. Spjega li huwa għalhekk li s-sena d-dieħla l-awtoritajiet se jniedu standards regolatorji ġodda għall-konsultazzjoni pubblika. Dr Abela qal li l-għan ta’ dawn ir-regolamenti huwa li tkompli tissaħħaħ il-kwalità tas-servizz offrut lill-anzjani tagħna.

Il-Prim Ministru Robert Abela nnota kif għas-sena li ġejja, il-vot allokat fil-Budget approvat nhar it-Tlieta li għadda mill-Parlament jinkludi €83 miljun investiment għall-kura residenzjali fi djar privati. Qal li dan l-investiment jirrifletti l-importanza li l-Gvern jagħti lil kollaborazzjoni mal-operaturi privati biex jiġu offruti servizzi ta’ kwalità għolja, sostenibbli u li jilħqu l-istandards nazzjonali tal-kura. Dan l-investiment huwa apparti s-sħubijiet pubbliċi-privati ma’ operaturi ta’ kura residenzjali.

Il-Prim Ministru Robert Abela u s-Segretarju Parlamentari Malcolm Paul Agius Galea tkellmu mal-anzjani u qrabathom li kienu wkoll qed iżuruhom. Huma rrakkontaw esperjenzi differenti fosthom dawk li għexu f’dawn iż-żminijiet tal-Milied. Ir-residenti ta’ Porziuncola Home jgħixu f’dar residenzjali moderna mmexxija minn Golden Care u tifforma parti minn netwerk ta’ faċilitajiet li joffru kura professjonali, sigura u ffukata fuq id-dinjità tal-persuna.

Id-dar hija mgħammra b’faċilitajiet moderni u spazji mfassla biex jissodisfaw il-bżonnijiet differenti tal-anzjani, inklużi dawk li jeħtieġu kura kontinwa jew appoġġ speċjalizzat. L-operat ta’ din id-dar jitmexxa minn tim multidixxiplinari dedikat li jaħdem fuq bażi ta’ 24 siegħa kuljum.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport