Il-Prim Ministru Robert Abela, akkumpanjat mill-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri żaru s-Sixth Form Sir M.A. Refalo ġewwa r-Rabat Għawdex, fejn kienu milqugħa mill-kap tal-iskola Frankline Zammit Galea.
Matul iż-żjara, il-Prim Ministru ltaqa’ mal-ħaddiema amministrattiv u żar diversi faċilitajiet edukattivi, fosthom il-laboratorji tal-bijoloġija u l-kimika, il-librerija tal-iskola, u l-faċilitajiet li minnhom taħdem Aġenzija Żgħażagħ. Il-Prim Ministru kellu wkoll l-opportunità li jiltaqa’ u jiddiskuti ma’ bosta studenti li jattendu f’dan l-istitut edukattiv.
L-iskola tas-Sixth Form Sir M.A. Refalo qiegħdha kull ma jmur issaħħaħ l-irwol tagħha bħala ċentru edukattiv dinamiku għal studenti li jixtiequ jkomplu l-istudji tagħhom fil-livell preterzjarju. Din l-istituzzjoni tilqa’ madwar 380 student u madwar 68 għalliem. L-iskola toffri firxa wiesgħa ta’ korsijiet akkademiċi fil-livell avvanzat u intermedju li jippreparaw lill-istudenti għad-dħul fl-Università, istituzzjonijiet oħra ta’ edukazzjoni ogħla jew fid-dinja tax-xogħol. Barra minn hekk, din l-iskola toffri wkoll korsijiet ta’ reviżjoni fil-livell ordinarju biex l-istudenti jkunu jistgħu jiksbu l-kwalifiki meħtieġa għall-progress akkademiku tagħhom.
L-esperjenza tal-istudenti f’Sir M. A. Refalo tmur lil hinn mill-istudju fil-klassi, dan hekk kif l-istudenti huma mħeġġa jiżviluppaw il-potenzjal tagħhom permezz ta’ programm extra-kurrikulari varjat, matul is-sena akkademika. Ta’ kull sena l-iskola ttella’ il-Youth Performing Arts Fest, fejn matul din l-attività jiġu ċċelebrati l-kreattività u t-talenti tal-istudenti fil-mużika, iż-żfin u arti performattiva oħra.
L-iskola hija akkreditata taħt il-programm Erasmus+. Permezz ta’ dan il-programm, l-istudenti u l-istaff akkademiku qed ikollhom l-opportunità jipparteċipaw f’korsijiet u taħriġ f’diversi pajjiżi fosthom l-Italja, ir-Rumanija, il-Polonja u l-Iżvezja, filwaqt li jiltaqgħu ma’ studenti u għalliema minn pajjiżi oħra għal skambji edukattivi u esperjenzi ta’ job shadowing.
Dawn l-inizjattivi jmorru id f’id mal-Viżjoni Malta 2050, li tpoġġi l-edukazzjoni, l-innovazzjoni u l-ħiliet diġitali fiċ-ċentru tal-iżvilupp sostenibbli ta’ pajjiżna. F’dan il-kuntest, il-miżura ‘AI għal Kulħadd’ imħabbra fil-Budget għal din is-sena tkompli ssaħħaħ din id-direzzjoni, billi toffri korsijiet bla ħlas u ċertifikazzjoni. Barra minn hekk, kull min itemm dawn il-korsijiet ikun eliġibbli għal sottoskrizzjoni għal servizz ta’ AI biex dawn l-għodod jintużaw b’mod aktar effettiv fl-istudju, fix-xogħol u fil-ħajja ta’ kuljum.
Għal darb’oħra l-ġenituri tal-istudenti li jagħżlu li jkomplu jistudjaw wara l-età obbligatorja se tingħatalhom għotja ta’ €500 kull sena għal tliet snin. Filwaqt li din is-sena l-istudenti kollha raw żieda ta’ 15% fl-istipendji. Żieda li qed tmiss madwar 16,600 student.
Dawn il-miżuri flimkien ma’ oħrajn ikomplu juru kemm Malta qed tinvesti fil-ħiliet tal-futur u f’edukazzjoni li tħares ’il quddiem.
Sir M. A. Refalo Sixth Form tibqa’ impenjata li taddatta għar-realtajiet tal-edukazzjoni moderna, billi tħaddan it-teknoloġija u tinvesti fl-iżvilupp professjonali kontinwu tal-istaff tagħha, sabiex tipprovdi lill-istudenti vjaġġ edukattiv mill-aqwa.

