Il-Prim Ministru Robert Abela ddeskriva dan il-proġett bħala xhieda ta’ gvern li jrid kontinwament jinvesti fil-ġid komuni. B’din hija r-raġuni għalfejn irid ikompli jinħoloq il-ġid, biex imbagħad ikunu jistgħu jsiru investimenti fi proġetti ta’ livell għoli bħal dawn, li rriduhom mifruxa mal-pajjiż kollu.
Fil-fatt, din il-pixxina, li saret b’investiment ta’ €14-il miljun, se tkompli tagħti kontribut qawwi biex nilħqu l-aqwa livelli fl-isport. Il-fatt li dan l-investiment sportiv uniku qiegħed fin-Nofsinhar ta’ Malta huwa xhieda oħra wkoll ta’ kif f’Malta aktar ġusta, irridu li nilħqu lill-pajjiż kollu.
Proġett li meta jarawh it-tfal tagħna, jifhmu li mhux biss jistgħu jaspiraw daqs kull tifel u tifla minn pajjiż ieħor, imma li dik l-aspirazzjoni jistgħu jilħquha. Dan rajnieh fil-prattika fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Ewropa li organizzajna f’pajjiżna. Dakinhar, il-Prim Ministru tenna li l-investiment li sar ma kienx limitat għal dak il-logħob u lanqas għall-bini biss, iżda ġew investiti miljuni oħra fl-iżvilupp tal-atleti nfushom. Investiment li se jissokta, b’allokazzjoni ta’ €5 miljun mill-Fond Soċjali għall-Iżvilupp Nazzjonali għat-taħriġ u għat-tħejjija tal-atleti.
Il-Prim Ministru kkonkluda li dak favur l-isport hu impenn ta’ gvern sħiħ għax irridu li kulħadd ikollu opportunitajiet indaqs, li kull tifel u tifla f’Malta jistgħu joħolmu li jieħdu lil pajjiżna fil-livell li jmiss u dan il-gvern irid li dak il-ħolm isir realtà.
Din il-pixxina hija mgħammra bl-aqwa teknoloġiji u tinkludi, fost l-oħrajn, numru ta’ dressing rooms għall-atleti u għall-uffiċjali, uffiċini, kmamar tal-kontroll, stand għall-ispettaturi u kmamar għall-ħtiġijiet sanitarji. Is-saqaf tal-pixxina huwa magħmul apposta biex jikkumplimenta s-swar u huwa mifrux fuq travi tal-injam li għandhom tul ta’ 44 metru. Din il-faċilità għandha wkoll ħitan tal-ħġieġ li jkopru mal-44 metru kwadru kull naħa, filwaqt li d-daqs tal-pixxina jissodisfa r-rekwiżiti mill-Federazzjoni Internazzjonali tal-Għawm, hija wkoll attrezzata b’impjant ta’ tisħin tal-ilma u arja kkundizzjonata. Hija ta’ daqs olimpiku ta’ 5,000 metru kwadru u mgħammra bl-aħjar teknoloġija fosthom dik tal-bulkheads biex il-pixxina tkun maqsuma f’aktar minn faċilità waħda. L-art tal-pixxina għandha wkoll funzjoni li parti minnha għandha l-art li titla’ u tinżel biex il-kowċis tal-għawm ikunu jistgħu jagħtu l-lezzjonijiet tagħhom fl-ilma stess ġo fond differenti skont il-bżonn.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Clifton Grima, esprima sodisfazzjon li din il-pixxina ta’ daqs Olimpiku, proġett imwiegħed fil-manifest elettorali, se tkun opportunità eċċellenti biex is-settur tal-isport akwatiku f’pajjiżna jkompli jieħu spinta ’l quddiem u jkompli jwassal għal aktar suċċessi. Sostna, li huwa sodisfatt ukoll għax issa t-tfal għandhom faċilità li tgħinhom b’mod iktar professjonali fit-taħriġ u ’l quddiem, bħala atleti, ikunu jistgħu jkomplu jiksbu aktar riżultati fuq livell internazzjonali.
B’wieħed mill-pilastri tal-istrateġija nazzjonali tal-isport hija l-faċilitajiet sportivi u fi kliem il-Kap Eżekuttiv ta’ SportMalta Mark Cutajar, din il-pixxina hija waħda mill-aqwa faċilitajiet sportivi f’pajjiżna. SportMalta dejjem taħdem favur li l-atleti jkollhom faċilitajiet tal-ogħla standards biex jilħqu l-potenzjal massimu tagħhom u jikkompetu fuq livell internazzjonali. Din il-ħidma qiegħda tkompli favur futur aqwa fis-settur sportiv.
Fl-inawgurazzjoni tkellem ukoll iż-żagħżugħ Jayden Cassar, li huwa plejer tat-tim nazzjonali tal-waterpolo ta’ taħt is-sbatax-il sena. Qal li l-atleti Maltin iħossuhom fortunati li issa għandhom pixxina li hija fost l-aqwa fil-Mediterran. Dan il-proġett, spjega li se jkun qed iħajjar u jressaq aktar tfal u żgħażagħ lejn l-isport akwatiku u rrefera għalih bħala opportunità eċċellenti biex l-isport akwatiku f’pajjiżna jkompli jimxi ’l quddiem u jimmarka aktar suċċessi barra minn xtutna. “Atleti lokali m’għandhomx aktar l-iżvantaġġ fejn atleti barranin minħabba li jridu jitħarrġu f’pixxina miftuħa f’Malta u jikkompetu f’waħda magħluqa barra minn xtutna. Permezz ta’ din il-pixxina, jistgħu jiżdiedu aktar programmi sportivi biex l-atleti u l-istudenti tal-iskejjel tal-madwar ikunu jistgħu jikbru u jiżviluppaw. Pixxina fuq ġewwa fil-Kottonera hija ta’ vantaġġ kbir għal kull min għandu l-isport akwatiku għal qalbu”.
Il-Prim Ministru Robert Abela kien akkumpanjat minn martu, Dr Lydia Abela, President ta’ Special Olympics Malta.