Il-Prim Ministru Robert Abela, akkumpanjat mill-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u l-Proġetti Strateġiċi Silvio Schembri flimkien mal-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi Chris Bonett, inawguraw 700 metru kwadru t’uffiċini ġodda tal-kumpanija Ryanair f’Malta.

Dawn l-uffiċini jirrappreżentaw investiment ieħor minn din il-kumpanija f’pajjiżna. Permezz ta’ dan l-investiment, Ryanair se tkun qed toħloq 70 impjieg ġdid ta’ livell għoli. B’hekk issa se jkollha stazzjonati f’Malta aktar minn 500 professjonist speċjalizzati fuq il-finanzi, is-sikurezza, u r-riżorsi umani flimkien ma’ piloti, ekwipaġġ tal-kabina, u inġiniera.
Il-Prim Ministru rrimarka li Ryanair saret waħda mill-imsieħba ewlenin ta’ pajjiżna fil-qasam tal-avjazzjoni. Huwa żied jgħid li dan l-investiment huwa “simbolu ta’ fiduċja fir-riżorsa umana f’pajjiżna, kif ukoll fl-ekonomija, u fil-futur tagħna.”

Permezz tal-Malta Air, Lauda, u l-kumpaniji assoċjati magħha, Fravel u AFL, Ryanair stabbiliet f’Malta ċentru għall-operat, taħriġ, kiri tal-ajruplani, u manutenzjoni. Sal-lum, din il-linja tal-ajru għandha tmien ajruplani bbażati lokalment u 190 ajruplan irreġistrati fir-reġistru Malti. Barra minn hekk, fl-2022 Ryanair nediet ukoll proġett b’investiment ta’ €20 miljun fil-manutenzjoni, it-tiswija, u t-tiġdid tal-ajruplani (MRO), liema proġett mistenni jiġġenera 250 impjieg u jkompli jikkonsolida l-pożizzjoni ta’ Malta bħala ċentru mhux biss għall-konnettività bl-ajru, iżda wkoll għall-inġinerija u l-innovazzjoni.
Il-Prim Ministru żied jgħid li dan l-investiment mill-kumpanija Ryanair huwa allinjat mal-Viżjoni Malta 2050. Dan hekk kif din il-Viżjoni nazzjonali qed tħares lejn l-avjazzjoni bħala settur li għandu rwol kruċjali għat-tkabbir u l-iżvilupp sostenibbli ta’ pajjiżna. Il-Prim Ministru sostna li “l-avjazzjoni mhix biss mezz ta’ trasport jew settur li qed jgħin biss għat-tkabbir tar-reġistru tal-ajruplani, iżda wkoll settur ekonomiku ewlieni li joħloq karrieri u opportunitajiet ta’ kwalità għolja.” Il-Prim Ministru saħaq li l-Gvern se jkompli jadotta approċċ favur in-negozju, filwaqt li jkompli jsaħħaħ is-settur tal-avjazzjoni billi jinvesti f’faċilitajiet u servizzi speċjalizzati.
Il-Kap Eżekuttiv tal-kumpaniji Malta Air u Lauda Europe, David O’Brien qal li dawn l-uffiċini ġodda ta’ Ryanair f’Malta jimmarkaw pass ieħor importanti fl-investiment fit-tul ta’ din il-kumpanija f’Malta. Huwa żied jgħid li “Ryanair qed tħares li tkompli tinvesti f’diversi niċeċ tal-avjazzjoni f’ Malta, b’hekk tkompli ssaħħaħ il-pożizzjoni ta’ Malta bħala ċentru t’eċċellenza fl-avjazzjoni.”
Illum, is-settur tal-avjazzjoni jikkontribwixxi madwar €600 miljun fis-sena għall-ekonomija ta’ Malta, filwaqt li jsostni eluf ta’ impjiegi, u jġorr miljuni tal-passiġġieri.