Friday, October 10, 2025

Il-Prim Ministru Robert Abela jappella biex Gvern u Oppożizzjoni jaħdmu flimkien fuq oqsma għall-ġid tal-poplu Malti u Għawdxi

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela awgura mill-ġdid lill-Kap tal-Oppożizzjoni u Kap Nazzjonalista Alex Borg fil-kariga tiegħu, meta iktar kmieni llum iltaqgħu fid-Dar Ċentrali, wara li madwar xahar ilu kienu ltaqgħu fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista. 

Dr Abela qal li l-Gvern u l-Oppożizzjoni jistgħu jaħdmu flimkien f’oqsma varji għall-ġid tal-poplu Malti u Għawdxi kollu.  Il-Prim Ministru qal li mhux jistenna li se jaqblu dejjem, iżda l-importanti jibqa’ l-prinċipju tar-rispett reċiproku u l-għan li nibqgħu ntejbu l-pajjiż.

Filwaqt li assigura li l-Budget se jkun bħal dawk ta’ qablu, jiġifieri ta’ sostenn għall-familji u joffri viżjoni għall-futur ta’ pajjiżna, il-Prim Ministru spjega li għalkemm jistenna opinjonijiet differenti fid-diskussjoni dwar il-Budget, appella lil Borg biex flimkien, Gvern u Oppożizzjoni jagħtu eżempju u jkunu maqgħudin favurih.

Dr Abela semma punt ieħor ta’ konverġenza fir-rigward tat-trasport tal-massa u tenna li l-esperti qed jidentifikaw sistema adegwata għal pajjiżna, bi proġett li jaf idum mal-20 sena biex isir. 

Dwar l-ambjent, Dr Abela qal li l-Gvern qed jikkoreġi deċiżjoni li ttieħdet snin ilu minn amministrazzjoni Nazzjonalista.  Qal li l-Gvern se jagħti lura Manoel Island lin-nies li se ssir park għat-tgawdija ta’ kulħadd.

Il-Prim Ministru temm b’minuta silenzju b’rispett lejn l-aħbar traġika li seħħet ilbieraħ li ħasdet lil kulħadd.  Dr Abela appella biex ma niġġudikaw lil ħadd.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport