F’laqgħa tal-Kunsill Ewropew bejn il-Mexxejja tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea fi Brussell, il-Prim Ministru Robert Abela tenna l-pożizzjoni konsistenti ta’ Malta favur appoġġ politiku u finanzjaru lill-Ukrajna li jkun konformi mal-liġi internazzjonali u tal-Unjoni Ewropea, li jagħti prevedibbiltà u garanzija ta’ stabbiltà finanzjarja. Kien f’dan l-ispirtu li d-diskussjoni bejn il-Mexxejja wasslet għal qbil dwar strument ta’ self konġunt mill-Unjoni Ewropea li jiffinanzja l-ħtiġijiet tal-Ukrajna għas-sentejn li ġejjin. Waqt dawn in-negozjati, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq ukoll li kwalunkwè appoġġ finanzjarju mogħti minn pajjiżna jrid ikun għal użi li jirrispettaw in-newtralità Kostituzzjonali ta’ pajjiżna, fatt li ġie rikonoxxut fil-konklużjonijet formali adottati fi tmiem is-Summit.
Il-Kunsill Ewropew iddiskuta wkoll s-sitwazzjoni ġeoekonomika u l-kompetittività tal-Unjoni Ewropea. Il-Prim Ministru saħaq li l-kompetittività tibqa’ kruċjali għall-prosperità fl-Ewropa u tenna li l-aċċessibilità tas-Suq Waħdieni hija kruċjali biex dan ikun assigurat u s-suċċess ikun iggarantit għall-Istati Membri kollha. Dr Abela qal ukoll li l-bilanċ bejn il-kummerċ ħieles u s-sigurtà ekonomika, u kif ukoll it-tisħiħ tal-koperazzjoni ma’ sħab strateġiċi bħall-Istati Uniti tal-Amerika u ċ-Ċina huma vitali għal Unjoni Ewropea reżiljenti u kompetittiva.
Il-Mexxejja kellhom ukoll l-ewwel diskussjoni dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2028-2034, fejn ingħata rendikont tal-progress milħuq taħt il-Presidenza Daniża tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u ġie diskuss il-pjan għall-fażijiet li jmiss tan-negozjati bil-għan li jintlaħaq qbil sa tmiem is-sena d-dieħla. Il-Prim Ministru tenna li pajjiżna ser ikompli jipparteċipa fi djalogu kostruttiv sabiex jintlaħaq il-bilanċ politiku meħtieġ u jinstab kompromess ġust li jieħu kont tar-realtajiet u l-ħtiġijiet ta’ pajjiżna.
Fost temi oħra, il-Mexxejja ddiskutew ukoll l-iżviluppi marbuta mal-qafas leġislattiv u inizjattivi oħra fis-settur tal-migrazzjoni, il-progress fid-diskussjonijiet dwar it-tkabbir tal-Unjoni Ewropea u r-riformi meħtieġa, u kif ukoll id-difiża u s-sigurtà kollettiva tal-Unjoni Ewropea. Il-Mexxejja ddiskutew ukoll l-impetus ġdid fuq il-Mediterran, fejn il-Prim Ministru Robert Abela laqa’ l-adozzjoni tal-Patt għall-Mediterran u qal li dan ser ikun strument importanti għat-tisħiħ tar-relazzjonijiet mal-viċinat tan-Nofsinhar u l-istabbiltà, il-prosperità u s-sigurtà tal-Mediterran.
Qabel is-Summit, il-Prim Ministru Robert Abela pparteċipa wkoll f’laqgħa ta’ kordinament fuq it-tema tal-migrazzjoni flimkien ma’ erbatax-il Stat Membru ieħor u l-Kummissjoni Ewropea, fejn komplew jiġu diskussi diversi sfidi komuni, ir-relazzjonijiet ma’ pajjiżi terzi tal-oriġini u tat-tranżitu u l-koperazzjoni f’diversi fora multilaterali.

