“Filwaqt li nżommu l-livell għoli ta’ ambizzjoni li għandna, irridu naraw li nilħqu l-miri tagħna mingħajr ma nitfgħu piżijiet sproporzjonati fuq il-familji u n-negozji tagħna.” Dan kien il-messaġġ ewlieni tal-Prim Ministru Robert Abela f’waħda mid-diskussjonijiet ewlenin ta’ dan is-Summit.
Fil-kuntest tal-isforzi li l-Unjoni Ewropea qed tagħmel biex issaħħaħ il-kompetittività globali, il-Prim Ministru tkellem dwar l-importanza li jittieħdu deċiżjonijiet ekwi u li jieħdu kont tar-realtajiet speċifiċi ta’ kull Stat Membru, inkluż b’mod partikolari dawk tal-Istati Membri gżejjer bħalma huwa pajjiżna. Fl-interventi tiegħu, il-Prim Ministru insista li dawn ir-realtajiet iridu jkunu riflessi fil-leġiżlazzjoni li ser twassal lill-Unjoni Ewropea biex tilħaq il-miri klimatiċi li għandha għall-2040 u l-2050, u tenna li jridu jiġu evitati żbalji tal-passat billi l-impatt ta’ kull pass ikun studjat fid-dettall mill-Kummissjoni Ewropea. Dan ġie rifless ukoll f’dikjarazzjoni li għamel pajjiżna u li ġiet annessa mal-konklużjonijiet formali tal-Kunsill Ewropew, fejn ġew deskritti r-realtajiet u l-bżonnijiet speċifiċi ta’ Stati Membri gżejjer bħal Malta.
Tema oħra ewlenija fuq l-aġenda tal-mexxejja kienet dik dwar l-appoġġ tal-Unjoni Ewropea lill-Ukrajna, fejn il-Prim Ministru saħaq fuq is-solidarjetà kontinwa mal-poplu Ukren, filwaqt li mill-ġdid tenna li kull sforz lejn trattat tal-paċi, ġej minn fejn ġej, irid ikun sostnut. F’dan ir-rigward, il-mexxejja komplew jiddiskutu l-kunċett ta’ Reparations Loan imressaq mill-Kummissjoni Ewropea, fejn għal darb’oħra l-Prim Ministru Robert Abela kien parteċipi b’mod attiv u saħaq fuq il-bżonn li jkun studjat aktar l-impatt fuq kull Stat Membru u fuq l-Unjoni Ewropea. Huwa tenna wkoll li l-eventwali proposta għandha tkun konformi mal-liġi internazzjonali u tal-Unjoni Ewropea, u li trid tkun rispettata n-newtralità Kostituzzjonali ta’ pajjiżna.
F’taħdidiet dwar id-difiża u s-sigurtà fl-Ewropa, il-Prim Ministru tkellem dwar l-importanza li Malta tingħata l-libertà meħtieġa li biha titħalla topera u tikkontribwixxi fil-limiti tal-Kostituzzjoni. Huwa enfasizza li s-sigurtà tmur lil hinn mill-elementi tradizzjonali tad-difiża u qal li oqsma bħal dawk tas-sigurtà marittima, l-istat ta’ tħejjija għal kriżijiet, u l-protezzjoni tal-infrastruttura kritika madwar il-Mediterran u l-viċinat tan-Nofsinhar tal-Ewropa, jibqgħu ta’ prijorità għal pajjiżna.
Il-Mexxejja ddiskutew ukoll temi oħra, fosthom l-akkomodazzjoni affordabbli kif ukoll is-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani, fejn il-Prim Ministru kompla jenfasizza l-importanza tal-immobilizzar ta’ riżorsi u għajnuna umanitarja, partikolarment f’Gaża. Huwa semma kif bħalma pajjiżna ta sehmu fl-evakwazzjoni u fit-trattament ta’ pazjenti tfal minn Gaża, hemm bżonn sforz b’saħħtu kollettiv xprunat mill-empatija u gwidat minn prinċipju waħdieni, dak tas-soluzzjoni ta’ żewġ stati. B’hekk biss dan ir-reġjun ser jkun jista’ jiżgura d-dinjità fil-Palestina kif ukoll is-sigurtà fl-Iżrael.
Il-Prim Ministru pparteċipa wkoll fis-Summit tal-Euro fejn tkellem dwar il-ħtieġa li nkomplu nsaħħu s-sostenibbiltà fiskali fit-tfassil tal-politika ekonomika għall-futur. Huwa qal li l-politika tal-Unjoni Ewropea trid tkun waħda ta’ flessibbiltà u r-rispett lejn il-kompetenzi nazzjonali, filwaqt li tibqa’ tassigura l-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri.
Qabel il-laqgħa tal-Kunsill Ewropew, il-Prim Ministru pparteċipa wkoll f’laqgħa ta’ koordinament dwar l-immigrazzjoni flimkien ma’ tnax-il pajjiż ieħor u l-Kummissjoni Ewropea. Il-Prim Ministru Robert Abela tenna l-appoġġ kontinwu ta’ pajjiżna favur sforz kollettiv u strateġiku quddiem l-isfida tal-immigrazzjoni, b’enfasi fuq solidarjetà, responsabbiltà u kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi, inkluż dawk tal-oriġini u tat-tranżitu. Il-Prim Ministru qal li l-proċess tal-adozzjoni tal-liġijiet, partikolarment dwar ir-ritorn ta’ dawk li ma jistħoqqilhomx l-ażil, għandu jkun aktar spedit, filwaqt li tenna l-bżonn li tissaħħaħ il-kooperazzjoni ma’ pajjiżi u istituzzjonijiet oħra Ewropej, inkluż mal-Kunsill tal-Ewropa sabiex din l-isfida tiġi indirizzata b’mod ħolistiku.

