Fil-ftuħ tal-Expo għas-Servizz Pubbliku fl-MFCC f’Ta’ Qali, il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar investiment ġdid ta’ €4 miljun f’għodda speċjalizzata tal-intelliġenza artifiċjali, tal-Microsoft Copilot li se tibda tkun disponibbli għall-uffiċjali pubbliċi fuq il-laptops tagħhom stess. Fuq medda ta’ sentejn se jkun qed jingħata l-aċċess u t-taħriġ fuq din l-għodda lil 8,000 ħaddiem tas-Servizz Pubbliku. Apparti dan, l-uffiċjali pubbliċi se jkunu qed jingħataw aċċess għal ċentru t’eċċellenza operat mill-Microsoft flimkien mal-Gvern u l-MITA.
Il-Prim Ministru Robert Abela rrefera wkoll għall-investiment bla preċedent li sar fil-qasam diġitali, immirat biex ikompli jimmodernizza s-servizz offrut. “Irridu nkomplu nagħmlu s-Servizz Pubbliku jwieġeb għar-realtajiet tal-lum u t’għada. Dan kollu se jkompli jikkonsolidana fuq il-mappa dinjija hekk kif se nsiru l-ewwel amministrazzjoni fl-Ewropa li se nkunu qed nagħmlu użu mill-AI fuq dan il-livell u portata,” saħaq Dr Abela. Dan l-investiment jorbot bi sħiħ mal-Viżjoni Malta 2050, viżjoni li qed tilqa’ bi sħiħ l-avvanzi teknoloġiċi, inkluż l-intelliġenza artifiċjali bħala għodda li tgħin u tikkumplimenta dak li jagħmel il-ħaddiem u mhux teħodlu postu.
Dalgħodu ingħatat bidu għat-3 edizzjoni tal-Public Service Expo Village bit-tema ‘Iż-Żgħażagħ il-futur tagħhom fis-Servizz Pubbliku’. B’parteċipazzjoni mill-Ministeri u l-amministrazzjoni pubblika kollha, il-Public Service Expo Village se jkun miftuħ sal-Ħadd 25 ta’ Mejju ġewwa l-MFCC f’Ta Qali, b’ħafna attivitajiet għall-familja kollha.
Matul id-diskors tal-ftuħ, il-Prim Ministru Robert Abela sostna li s-Servizz Pubbliku huwa l-mutur għall-implimentazzjoni ta’ ħafna riformi li għamel u għad irid jagħmel il-Gvern fiż-żmien li ġej. Filwaqt li faħħar il-ħidma siewja tal-uffiċjali pubbliċi, immexxija minn Tony Sultana, huwa qal li l-ħaddiema tas-Servizz Pubbliku huma kruċjali biex jintlaħqu livelli ġodda u l-aspirazzjonijiet taż-żgħażagħ u tal-Maltin u l-Għawdxin kollha. Huwa fakkar kif lejn l-aħħar tas-sena li għaddiet ġie ffirmat ftehim kollettiv b’saħħtu li ta l-aqwa kundizzjonijiet u żidiet fil-pagi lit-33,000 ħaddiem taċ-Ċivil li qed joffru servizz t’eċċellenza favur il-poplu tagħna.
Il-Kap tas-Servizz Pubbliku Tony Sultana qal illi għal diversi snin l-amministrazzjoni pubblika u pajjiżna rebaħ l-aqwa u l-ewwel postijiet fit-tellieqa diġitali. Huwa qal li ksibna l-aqwa servizzi online u l-aqwa kunċetti ta’ e-Government fl-Ewropa. Riżultati eċċellenti miksuba sena wara sena. Biex is-servizzi qed jaslu għand il-poplu Malti bl-aqwa livelli possibbli. Il-Kap tas-Servizz Pubbliku tenna li rnexxielna nagħmlu hekk għax Malta investiet bis-saħħa kollha fit-teknoloġija, b’iktar minn €1 biljun.
Huwa qal illi issa dħalna f’era ġdida fejn kollox qed jinbidel b’pass mgħaġġel, fejn l-intelliġenza artifiċjali qed tiddefinixxi x-xogħol ta’ kif naħdmu. Qegħdin f’dinja fejn xogħol li tradizzjonalment kien jieħu ġranet illum jista’ jieħu ftit minuti, fejn min mhux tekniku llum xorta jista’ jagħmel xogħol avvanzat u speċjalizzat. Dan jekk biss ikun dispost li juża t-teknoloġija b’mod tajjeb. Il-Kap tas-Servizz Pubbliku għamel appell lill-impjegati żgħażagħ biex jersqu ’l quddiem bl-ideat friski tagħhom.
Fost is-servizzi li se jkunu preżenti fl-Expo Village hemm it-tiġdid tal-karta tal-identità, testijiet mediċi varji, inizjattivi u tagħrif dwar skemi, diskussjonijiet, numru ta’ simulazzjonijiet tal-isports, projezzjonijiet, poddati u wirjiet. L-għan aħħari tal-Expo huwa li sservi ta’ vetrina għas-servizzi governattivi u tagħti ċans għal-interazzjoni bejn l-uffiċjali tas-Servizz Pubbliku mal-klijenti tiegħu.