Sunday, January 18, 2026

Il-Prim Ministru Robert Abela jħabbar li mill-aħħar tax-xahar se jingħataw b’xejn il-PrEP u PEP għall-prevenzjoni mit-tixrid tal-HIV

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela ħabbar li se jibdew jingħataw b’xejn il-mediċini tal-PrEP u PEP li huma essenzjali għall-prevenzjoni mit-tixrid tal-HIV.  Qal li din kienet wegħda elettorali, li se titwettaq mill-aħħar ta’ dan ix-xahar.

Meta kien qed jiġi intervistat mill-preżentatur Wayne Sammut, Dr Abela tkellem dwar dawn il-mediċini meta rrefera għall-investiment li qed isir fis-settur tas-saħħa.  Qal ukoll li l-Gvern se jkopri l-ispejjeż ta’ dawk li jbatu minn allerġiji u f’każi straordinarji jirrikorru għall-epipens.  Ħabbar li mal-1,600 persuni jużaw l-epipens, li jiswew ħafna flus, u b’hekk se jibdew jingħataw tnejn minnhom fis-sena b’xejn li jservu lil min jużahom madwar 6 xhur.

Tkellem ukoll dwar kif il-Gvern qed inaqqas il-ħin ta’ stennija fl-għoti ta’ diversi servizzi tas-saħħa, bil-helpline 1400, il-kura intermedjarja fosthom miċ-Ċentru Ċensu Moran u San Vincent de Paul, u eventwalment bil-proġetti kapitali tal-estensjoni tad-Dipartiment tal-Emerġenza u l-bini tat-Taqsima tal-Psikjatrija biswit l-Isptar Mater Dei.  Qal li dawn iż-żewġ proġetti matul din is-sena se jkunu qed jaraw l-għeluq tat-tender biex minnufih jibda l-bini tagħhom. 

Bdew id-diskussjonijiet biex il-Forti tas-Salvatur jingħata lura lin-nies

Mistoqsi dwar il-Forti tas-Salvatur, il-Prim Ministru ħabbar li diġà bdew id-diskussjonijiet mal-privat biex dan il-wirt storiku jinġieb lura, isir ir-restawr tiegħu u jingħata lura lin-nies.  Spjega li dan il-Forti qed jingħaqad ma’ bosta postijiet oħrajn fosthom Manoel Island, il-White Rocks, il-Forti Campbell u l-Forti Tigné, biex jingħataw lura lin-nies.

Il-Prim Ministru qal li ma’ dawn il-proġetti hemm oħrajn sportivi, li saru jew qed jitwettqu bħalissa, intiżi mhux biss biex isir investiment fl-isportivi, iżda wkoll se jintlaħaq bilanċ bejn l-użu tal-art għall-propjetà u l-ħolqien ta’ spazji li jagħtu lok għat-titjib tal-kwalità tal-ħajja tan-nies.  

Irrefera għall-inawgurazzjoni fil-jiem li għaddew tal-Kumpless Sportiv fil-Marsa li fih hemm faċilitajiet għal 3 dixxiplini sportivi tal-weightlifting, l-isquash u n-netball.  Qal li bis-saħħa ta’ dan l-investiment pajjiżna se jospita l-Youth Commonwealth Games li se jattiraw mal-1,100 atleta u mas-600 uffiċjal minn 74 pajjiż.

Minbarra l-proġetti fl-isports, Dr Abela tkellem dwar oħrajn li se jkomplu jbiddlu l-pajjiż għall-aħjar, fosthom bil-proġett għar-riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir.  Qal li dalwaqt jitħabbar dan il-proġett għaż-żona tal-Menqa tant għandu potenzjal li ladarba jitlesta l-proġett se tkun l-isbaħ waħda f’Malta. 

Differenza ċara bejn il-politika barranija u ekonomika tal-PL u l-PN

Dr Abela qal li dawn id-deċiżjonijiet qed jittieħdu mill-Gvern għax bħalissa jinsab f’qagħda ekonomija li tippermetti jsiru dawn il-proġetti.  F’dan il-kuntest qabbel is-sitwazzjoni ekonomika attwali ma’ dik li wiret Gvern Laburista fl-2013, politika ta’ awsterità li kien jemmen fiha l-Partit Nazzjonalista fil-Gvern.  

Il-Prim Ministru qal li b’Tonio Fenech bħala konsulent tal-Kap tal-Oppożizzjoni dwar l-ekonomija u l-finanzi, il-Partit Nazzjonalista għadu bl-istess linja tal-ħsieb u filwaqt li joqgħod jitkellem dwar l-ispiża, in-nefqa u d-dejn tal-pajjiż, m’għandu ebda kredibilità dwarhom għax lanqas mhu kapaċi jimmaniġġja l-finanzi tal-partit, aħseb u ara jekk jiġi fdat bil-finanzi tal-pajjiż x’jagħmel.

Dr Abela spjega b’mod ċar id-differenza netta bejn il-politika barranija tal-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalsta.  Irrefera għall-pożizzjoni soda li ħadet Malta dwar l-għajnuna lill-Ukrajna, mhux għas-spejjeż li jkun hemm riperkussjonijiet ħżiena fuq Malta.

Il-Prim Ministru qal li kieku kellu jagħmel bħalma għamel il-Kap tal-Oppożizzjoni, li nġarr mal-mewġ billi appoġġja l-pożizzjoni tal-Partit Popolari Ewropew, minkejja li kien jaf bid-dikjarazzjoni konġunta li ħadet Malta ma’ 3 pajjiżi oħrajn, kien idaħħal lil pajjiżna ġo ħajt.  Spjega li Malta rreżistiet ftehim dwar self lill-Ukrajna li seta’ jwassal għal katastrofi għax ir-Russja setgħat tfittex għad-danni lill-pajjiżi membri fl-Unjoni Ewropea.  

Gvern Laburista b’esperjenza, ħila u kompetenza jindirizza l-isfidi ġeo-politiċi

Dr Abela qal li f’dawn iċ-ċirkustanzi ġeo-politiċi li qed jiżviluppaw, kull deċiżjoni għall-pajjiż hija importanti, għax tista’ tfixkel ir-ritmu ekonomiku li għandna bħalissa, li qed jirrendi f’ġid għall-Maltin u l-Għawdxin.  

Sostna li Gvern Laburista għandu l-esperjenza, il-ħila u l-kompetenza wara l-isfidi tal-pandemija u l-gwerer li ffaċċja fis-sitt snin li għaddew, bl-għażla f’idejn il-poplu li jrid jiġġudika min għandu jingħata l-fiduċja biex imexxi l-pajjiż.

Dr Abela saħaq li din is-sena l-Gvern għandu miri ambizzjużi li dak li wiegħed ikompli jitwettaq, kuntrarju għal ħaddieħor, li jagħti l-illużjoni li se jagħmel xi ħaġa issa fl-aħħar mill-aħħar ma titwettaqx.

Il-Prim Ministru fakkar li flok qed jissikka ċ-ċintorin, kif għamel ħaddieħor fil-passat f’Malta, u qed jagħmlu bħalissa bosta pajjiżi Ewropej, pajjiżna qed timbotta tkabbir ekonomiku sostenibbli u l-ekonomija hija l-ikbar waħda fl-Ewropa u skont l-IMF se tibqa’ hekk sa 4 jew 5 snin oħra.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport