Il-Prim Ministru Robert Abela kellu laqgħa kostruttiva mal-President tal-Kunsill Ewropew António Costa fil-marġini tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) fi New York.
Id-diskussjonijiet iffokaw fuq kif l-Unjoni Ewropea (UE) tista’ tagħti benefiċċji tanġibbli liċ-ċittadini Maltin, b’enfasi fuq il-baġit li jmiss tal-UE, l-azzjoni klimatika, u l-kompetittività tal-Ewropa f’kuntest globali li qed isir dejjem aktar diffiċli. Iż-żewġ naħat enfasizzaw l-importanza li jiġi żgurat li l-istati membri kollha jkollhom sehem ugwali fil-progress u fl-opportunitajiet tal-UE.
Il-Prim Ministru saħaq fuq l-impenn ta’ Malta li tassigura li l-vantaġġi tas-sħubija ta’ pajjiżna fl-UE jimpattaw b’mod pożittiv lil kull ċittadin. Fosthom permezz ta’ opportunitajiet ekonomiċi ġodda, rabtiet aktar b’saħħithom ma’ pajjiżi u reġjuni oħrajn, u b’ħolqien ta’ UE li tkun ġusta, sostenibbli, u li tirrispondi għall-ħtiġijiet tal-poplu tagħha.
“Malta determinata li jkollha rwol attiv fit-tfassil tal-aġenda Ewropea,” qal il-Prim Ministru wara l-laqgħa. “Irridu naraw Unjoni li tappoġġja l-kompetittività tagħna, tinvesti fil-poplu tagħna, u tmexxi ’l quddiem azzjoni tanġibbli dwar il-klima. Fuq kollox, irridu li l-UE tkompli tagħti benefiċċji tanġibbli għal kull ċittadin Malti.”
Il-President Costa u l-Prim Ministru Abela tennew l-impenn tagħhom għal kooperazzjoni aktar mill-qrib, b’mod partikolari hekk kif l-UE qed tħejji għaċ-ċiklu tal-budget li jmiss, u tavvanza l-istrateġiji dwar il-klima u l-kompetittività. It-tnejn qablu dwar il-ħtieġa ta’ politika ambizzjuża iżda ġusta u li ma tħalli l-ebda stat membru lura.
Il-laqgħa kienet tifforma parti mill-impenn diplomatiku ta’ Malta waqt l-Assemblea Ġenerali tan-NU, fejn qed jiġu diskussi, b’mod attiv, prijoritajiet globali u reġjonali.
Il-Prim Ministru Robert Abela kien akkumpanjat mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu Ian Borg, il-Kap tas-Segretarjat tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru l-Kurunell Mark Mallia, u d-Direttur Ġenerali tad-Dipartiment tal-Kordinazzjoni tal-UE Leandro Borg.