Fil-jiem ta’ wara d-diskors storiku li permezz tiegħu Malta rrikonoxxiet l-istat Palestinjan, il-ħidma tad-delegazzjoni Maltija kompliet b’għadd ta’ laqgħat u kontribut f’Summits fuq temi pertinenti fid-diplomazija internazzjonali.
F’laqgħa tan-NU dwar id-drittijiet tal-persuni LGBTIQ, il-Prim Ministru Robert Abela afferma mill-ġdid l-impenn ta’ Malta favur l-ugwaljanza, b’enfasi fuq l-isfidi li qed jaffaċċjaw iż-żgħażagħ LGBTIQ. Huwa saħaq li filwaqt li l-Karta tan-NU twiegħed drittijiet għal kulħadd, hawn żgħażagħ li għadhom jaffaċċjaw l-esklużjoni u l-bullying minħabba l-ġeneru tagħhom. Filwaqt li enfasizza r-riformi ta’ Malta riżultat ta’ edukazzjoni inklużiva, inizjattivi fil-komunitajiet, u l-ħolqien ta’ spazji sikuri, spjega li xorta waħda jibqgħu sfidi x’negħlbu, bħad-diskors ta’ mibegħda online, l-aċċess għas-saħħa mentali. Huwa għalaq billi ħeġġeġ azzjoni kollettiva għall-futur fejn kull żagħżugħ u żagħżugħa jkunu jistgħu jgħixu b’dinjità u kburija.
Il-Prim Ministru indirizza wkoll is-Summit ‘Sustainable, Inclusive and Resilient Global Economy’ fejn tkellem dwar is-self għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw u sabiex dan jsir iktar aċċessibbli, b’sostenibbilità. “Quddiem realtà fejn f’pajjiżna s-sitwazzjoni tal-familji tagħna qed titjieb – ir-responsabbiltà tagħna biex nitkellmu f’isem iż-żgħir u l-batut tibqa’,” saħaq il-Prim Ministru Robert Abela. Il-Prim Ministru sostna wkoll dwar il-bżonn li din l-għajnuna tinżel għand in-nies u jkollha impatt fuq il-ħajja tagħhom ta’ kuljum.

F’laqgħa oħra din id-darba fl-Ambaxxata Maltija fi New York il-Prim Ministru ltaqa’ ma’ delegazzjoni mill-kumpanija globali Amazon. Id-delegazzjoni kienet magħmula mill-Viċi Presidnet ta’ Amazon Susan Pointer, u d-Direttur ta’ Amazon Web Service Franco Spicciariello. Il-Prim Ministru kien akkumpanjat mil-Kap tas-Segretarjat, il-Kurunell Mark Mallia.
Il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-Viżjoni Malta 2050 qed tqajjem interess ġdid f’Malta. “Permezz tal-opportunitajiet li tista’ toħloq din il-Viżjoni fit-tul għal pajjiżna, nistgħu naraw kumpaniji ta’ dan it-tip jersqu eqreb lejn l-ekosistema ta’ negozju u teknoloġija f’Malta.” Amazon, permezz tad-diviżjoni tal-cloud tagħha Amazon Web Services (AWS), esprimiet interess qawwi li ssaħħaħ ir-relazzjoni tagħha ma’ Malta. L-AWS diġà taqdi numru ta’ klijenti lokalment u tagħraf il-progress sinifikanti ta’ Malta fl-innovazzjoni diġitali u teknoloġika. Il-kumpanija tkellemet dwar il-programmi tagħha b’appoġġ lil startups u l-ħiliet diġitali bħala oqsma li jistgħu jkunu ta’ benefiċċju akbar għal Malta. Ir-rappreżentanti ta’ Amazon qalu wkoll kif il-Viżjoni ta’ Malta 2050 tallinja mal-istrateġija fit-tul tal-AWS u kif ambjent regolatorju sod jista’ jservi ta’ għall-attrazzjoni u t-tkabbir tal-investiment.