Thursday, November 27, 2025

Il-Prim Ministru Robert Abela jiltaqa’ mal-istudenti fil-Giovanni Curmi Higher Secondary

Aqra wkoll

Se nibqgħu nappoġġjaw il-vjaġġ edukattiv tal-istudenti u ż-żgħażagħ billi nsaħħu l-istipendji u fil-Budget għas-sena d-dieħla qed nagħtu l-akbar żieda fl-istipendji tal-istudenti kollha. Hekk sostna l-Prim Ministru Robert Abela fi żjara li għamel fil-Giovanni Curmi Higher Secondary fin-Naxxar. Hemmhekk il-Prim Ministru kellu opportunità jitkellem ma’ bosta żgħażagħ li għaddejjin bl-istudji tagħhom fejn tkellem magħhom fuq diversi temi differenti ta’ interess għaż-żgħażagħ.

Il-Prim Ministru Robert Abela rrimarka li f’Malta progressiva li qed tkompli miexja ’l quddiem, iż-żgħażagħ huma katalisti u se jkomplu jsibu pajjiż magħhom, partikolarment fil-vjaġġ edukattiv tagħhom. Huwa għalhekk li fil-Budget 2026, il-Gvern se jżid l-istipendji bi 15%, investiment ta’ €6 miljun fil-bwiet taż-żgħażagħ tagħna. Dr Abela qal li qabel mal-Gvern ħabbar il-Budget għas-sena d-dieħla, huwa rrijafferma l-impenn u l-garanzija li l-istipendji se jibqgħu hemm favur l-aqwa għal uliedna li jkomplu jistudjaw. Saħaq li dan l-impenn ried ikompli jsaħħu billi l-Gvern żied l-istipendji biex nibqgħu spalla mal-istudenti li għandhom l-ambizzjonijiet u l-aspirazzjonijiet tagħhom x’jilħqu.

Dr Abela qal li dan l-appoġġ imsaħħaħ huwa apparti dak tal-għotja sa €1,500 fuq tliet snin lill-ġenituri tal-istudenti li komplew jistudjaw wara s-Sekondarja. Il-Prim Ministru akkumpanjat mill-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima, qal li fl-edukazzjoni rridu nibqgħu ninvestu biex biha ż-żgħażagħ jieħdu l-aqwa opportunitajiet ekonomiċi li qed joħloq il-pajjiż. Mhux iżjed biex isibu xogħol imma biex jaqbdu karriera ta’ kwalità li trendi.

Fil-laqgħat tiegħu mal-istudenti, il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar l-importanza tal-attiviżmu tagħhom bħala vuċi żagħżugħa li hi importanti biex pajjiżna jkompli jimxi ’l quddiem. Qal li l-attiviżmu żagħżugħ ikompli jimbotta ideat biex inkomplu nagħmlu pajjiż aħjar. Hawn issemma l-Youth Advisory Forum, forma ta’ Kabinett taż-żgħażagħ fejn l-eżekuttiv tal-pajjiż jiddiskuti temi importanti maż-żgħażagħ.

Preżentament hemm 1,300 student jattendu l-Giovanni Curmi Higher Secondary fejn jistudjaw biex jiksbu ċ-ċertifikat tal-matrikola u jidħlu fosthom fl-Università ta’ Malta. F’din l-istituzzjoni post-sekondarja jattendu wkoll studenti għall-programm Gem16+ li jgħin studenti jiksbu ċertifikat f’livell 3 biex ikomplu bil-vjaġġ edukattiv tagħhom wara l-edukazzjoni obbligatorja.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport