Matul il-jum tat-Tnejn, il-Prim Ministru Robert Abela ltaqa’ mal-Qdusija Tiegħu, il-Papa Ljun XIV, fil-librerija tal-Palazz Apostoliku fil-Vatikan. Din iż-żjara qed tikkommemora s-60 sena anniversarju mit-twaqqif tar-relazzjonijiet diplomatiċi bejn Malta u s-Santa Sede.
It-twaqqif tar-relazzjonijiet diplomatiċi bejn Malta u s-Santa Sede, fil-15 ta’ Diċembru 1965, jirrifletti l-valuri ta’ pajjiżna u r-rispett reċiproku bejn is-Santa Sede u Malta, ibbażat fuq il-prinċipji komuni tagħna tal-paċi u d-dinjità tal-bniedem.
Matul il-laqgħa, il-Papa u l-Prim Ministru Robert Abela rrikonoxxew ir-relazzjonijiet b’saħħithom bejn iż-żewġ naħat ibbażata fuq valuri komuni u impenn lejn il-ġid komuni.
“Malta tibqa’ impenjata li ssaħħaħ ir-relazzjoni tagħha mas-Santa Sede, ibbażata fuq rispett reċiproku, valuri kondiviżi, u viżjoni komuni għad-dinjità tal-bniedem,” sostna Dr Abela.
Huma ddiskutew ukoll diversi temi fosthom il-ħidma favur il-paċi fi żmien ta’ sfidi ġeo-politiċi, kif ukoll dwar id-drittijiet ċivili, it-tibdil fil-klima u fuq il-bżonn ta’ soluzzjoni globali fir-rigward tal-isfida tal-immigrazzjoni.
“Is-sitwazzjoni umanitarja f’Gaża għadha waħda kritika ħafna. Malta tappoġġja l-isforzi kollha li jippermettu aċċess bla xkiel għall-għajnuna umanitarja, kif ukoll il-protezzjoni tan-nies, f’konformità ukoll mal-liġijiet internazzjonali. Hekk kif Malta rrikonoxxiet l-Istat tal-Palestina, issa inħarsu ’l quddiem għat-twettiq tas-soluzzjoni ta’ żewġ stati, fejn l-Iżrael u l-Palestina jgħixu ħdejn xulxin fil-paċi,” sostna l-Prim Ministru Abela.
Fi tmiem il-laqgħa, il-Prim Ministru Robert Abela ppreżenta lill-Qdusija Tiegħu l-Papa b’pittura bi xbiha ta’ Santu Wistin, impittra mill-artist John Martin Borg. Fl-isfond tal-pittura tidher il-Knisja Agostinjana ta’ San Mark u l-kunvent tal-patrijiet Agostinjani li jinsabu fir-Rabat Malta. Dan jirrappreżenta l-Knisja universali. Dr Abela ppreżenta wkoll rigali artiġġjanali magħmulin minn prodotti Għawdxin.
Matul iż-żjara fil-Vatikan, il-Prim Ministru kellu wkoll diskussjonijiet mas-Segretarju tal-Istat tal-Vatikan, l-Eminenza Tiegħu l-Kardinal Pietro Parolin, fejn kien akkumpanjat ukoll mill-Ambaxxatur ta’ Malta għas-Santa Sede, Frank Zammit.

