Il-Prim Ministru Robert Abela inawgura binja net zero carbon tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC) li lestiet b’suċċess proġett ambizzjuż u mill-aktar modern ta’ maħżen ewlieni, net zero carbon f’Bulebel. Dan b’investiment li jlaħħaq is-€7.2 miljun. Il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma issa se tkun qed tagħmel użu minn teknoloġija innovattiva li se twassal għal aktar tisħiħ u livelli ogħla ta’ sostenibbiltà fl-operat tagħha.
Mifrux fuq medda ta’ 2,000 metru kwadru, il-maħżen il-ġdid huwa ddisinjat biex jaħżen aktar minn 920 stock-keeping Unit (SKUs), b’valur ta’ madwar €9 miljun. Il-binja hija wkoll mgħammra b’sistema fotovoltajika mill-aktar avvanzata li tiġġenera madwar 430,000kWh t’enerġija rinnovabbli fis-sena. Din il-ġenerazzjoni t’enerġija rinnovabbli tiżboq bis-sħiħ l-ammont t’enerġija neċessarja għall-operat tal-faċilità nnifisha. B’hekk il-binja hija ddisinjata biex topera mingħajr karbonju nett.
Waqt iċ-ċerimonja tal-inawgurazzjoni, il-Prim Ministru Robert Abela sostna li dan il-proġett ambizzjuż jirrappreżenta pass kruċjali lejn it-titjib tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u l-istandards fil-bini u l-kostruzzjoni f’pajjiżna. Huwa qal li b’inizjattivi bħal dawn, pajjiżna qed jilqa’ l-isfidi tal-lum u ta’ għada u jdawwarhom f’opportunitajiet.
Il-Prim Ministru żied jgħid li dan il-proġett huwa allinjat mal-Viżjoni Malta 2050, viżjoni li tħaddan bi sħiħ is-sostenibbiltà bħala pedament fl-iżvilupp ta’ Malta, sabiex niżguraw futur aktar aħdar għall-ġenerazzjonijiet futuri. Fl-istess waqt huwa tenna l-impenn kontinwu tal-Gvern li jwettaq il-bidliet neċessarji sabiex pajjiżna jkompli jimxi ’l quddiem, lejn kwalità ta’ ħajja aħjar. Qal li l-Gvern se jkun fuq quddiem li jmexxi bl-eżempju fit-tħaddim ta’ inizjattivi ambjentali.
Qabel il-Prim Ministru, tkellmet il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika Miriam Dalli li sostniet li n-net zero carbon warehouse hija proġett li tirrappreżenta Gvern li jmexxi b’eżempju. Eżempju b’saħħtu li bih nistgħu nħeġġu industriji oħra u lill-privat biex huma wkoll jinvestu fi prattiċi sostenibbli. “L-investimenti li qed tagħmel il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma huma xhieda ta’ kif is-sostenibbiltà u l-effiċjenza huma żewg faċċati tal-istess munita. Is-sostenibbiltà mhix slogan. Hija t-triq ’il quddiem li għażilna li nimxu fiha. Hija l-għażla konxja li nagħmlu ta’ kuljum”, saħqet il-Ministru Dalli.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma qal li din il-faċilità l-ġdida tfisser ħafna aktar minn investiment fl-infrastruttura. Hija investiment fl-effiċjenza, fis-sostenibbiltà, u f’servizz ta’ eċċellenza. “Permezz tal-ikkonsolidar fl-operat tagħna u l-enerġija nadifa fuq il-post, mhux biss qed innaqqsu l-impatt tagħna fuq il-klima, imma wkoll qed noffru servizzi tal-ilma aktar reżiljenti lill-poplu Malti”, spjega Karl Cilia.
George Vella, Partner ta’ Grant Thornton Malta li huma l-Awdituri esterni tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma saħaq li n-net zero warehouse hija eżempju tanġibbli ta’ kif l-investiment pubbliku, l-ippjanar strateġiku u s-sostenibbiltà jistgħu jingħaqdu biex iwasslu valur fit-tul. “Dan il-proġett, parzjalment iffinanzjat permezz tal-Green Bond ta’ €25 miljun tal-WSC, juri kif finanzjament immirat jista’ jappoġġja direttament infrastruttura ta’ impatt. Daqstant importanti huwa l-impenn tal-Korporazzjoni għat-trasparenza, b’portal pubbliku f’ħin reali issa fis-seħħ, il-WSC qed tistabbilixxi standard ġdid biex turi fejn u kif qed jiġu investiti l-fondi”, temm jgħid Vella.