It-Tnejn filgħaxija, il-Prim Ministru Robert Abela inawgura uffiċjalment iċ-Ċentru Nazzjonali tal-Futbol, proġett li parti sostanzjali minnu ġie ffinanzjat mill-Fond Soċjali għall-Iżvilupp Nazzjonali (NDSF) u self mill-Bank tal-Iżvilupp ta’ Malta (MDB). Imfassal b’mod sostenibbli, iċ-Ċentru Nazzjonali tal-Futbol se jservi bħala ċ-ċentru tekniku u loġistiku għat-timijiet kollha ta’ Malta u se jospita wkoll tournaments internazzjonali taż-żgħażagħ.
F’din l-okkażjoni, bħala parti wkoll miċ-ċelebrazzjoni tal-125 anniversarju mit-twaqqif tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futbol (MFA), kien hemm preżenti wkoll fost oħrajn, il-President tal-FIFA Gianni Infantino, il-Viċi President tal-UEFA Jesper Møller Christensen u u l-plejers leġġendarji tal-futbol Fabio Cannavaro u Christian Vieri. Quddiem numru oħra ta’ mistiedna distinti fosthom anki l-Ministri Byron Camilleri, Miriam Dalli, Clifton Grima u Chris Bonett, is-Segretarju Parlamentari Omar Farrugia kif ukoll il-President tal-MFA Bjorn Vassallo, il-Prim Ministru Robert Abela sellem il-ħidma sfieqa u d-dedikazzjoni tal-MFA fil-ħidma tagħha kemm biex trawwem passjoni għall-futbol kif ukoll tal-faċilitajiet favur l-isport Malti.
“Bi pjaċir ninnota li l-MFA tmexxi bl-eżempju permezz tal-investiment tagħha fil-komunitajiet tagħna”, qal il-Prim Ministru Robert Abela hu u jsemmi proġetti bħal Football for Integration li jinvolvi tfal, żgħażagħ, anzjani, familji, u persuni ta’ abbiltajiet differenti, u Play Green li jippromwovi s-sostenibbiltà ambjentali fl-isport.
Dr Abela ddeskriva ċ-Ċentru Nazzjonali tal-Futbol bħala vot ieħor ta’ fiduċja fil-vibranza tal-futbol Malti li sar possibbli permezz ta’ ko-finanzjament mill-NDSF ikkumplimentat b’self mill-MDB. “Dan l-investiment, li jiswa l-miljuni qed jattrezza l-logħba nazzjonali tagħna bil-faċilitajiet li għandha bżonn biex tibqa’ tissaħħaħ għall-futur. Permezz ta’ dan l-investiment qed nagħtu lit-timijiet nazzjonali tagħna l-aqwa appoġġ possibbli filwaqt li niftħu wkoll opportunitajiet biex aktar Maltin jinvolvu ruħhom fil-logħba tal-futbol”, kompla Dr Abela.
Il-Prim Ministru rrifletta fuq il-mixja ta’ Malta fix-xenarju tal-futbol sa mit-twaqqif tagħha. Huwa fakkar f’kisbiet importanti bħall-inawgurazzjoni tal-Istadium Nazzjonali fis-snin tmenin u l-kisba riċenti ta’ Ħamrun Spartans li sar l-ewwel klabb tal-futbol Malti li kkwalifika għall-fażi tal-kampjonat ta’ kompetizzjoni ewlenija Ewropea.
Mibni skont l-istandards tal-aħjar prattika tal-UEFA, iċ-Ċentru fih stadium tal-Kategorija 1, laboratorji tax-xjenza sportiva tal-ogħla livell, klinika tal-fiżjoterapija, gym, żoni ta’ rkupru għall-plejers, kmamar għal-laqgħat, spazji għal-lectures sportivi u uffiċini amministrattivi.