Waqt l-inawgurazzjoni uffiċjali taċ-Ċentru Nazzjonali tat-Tennis f’Pembroke, il-Prim Ministru Robert Abela ddeskriva dan il-proġett bħala investiment sportiv ieħor b’saħħtu f’dixxiplina li kienet teħtieġ investiment serju u adegwat.
B’investiment ta’ €2.8 miljun, il-ftuħ uffiċjali taċ-Ċentru Nazzjonali tat-Tennis f’Pembroke jimmarka pass importanti ieħor fil-ħidma tal-Gvern biex ikompli jsaħħaħ l-infrastruttura sportiva f’pajjiżna. Dan il-proġett mhux biss biddel sit abbandunat f’faċilità moderna u ta’ livell għoli, iżda qed jagħti wkoll spinta ġdida lill-iżvilupp tat-tennis f’Malta.
Il-proġett twettaq taħt it-tmexxija ta’ SportMalta, li ħadmet mill-qrib mal-Malta Tennis Padel Federation. Din il-kollaborazzjoni kienet kruċjali biex jiġi żgurat li l-faċilità tilħaq l-ogħla standards sportivi u tissodisfa l-ħtiġijiet kemm tal-atleti kif ukoll tal-organizzazzjonijiet involuti fl-iżvilupp tat-tennis f’Malta.
Iċ-ċentru jinkludi sitt courts tat-tennis mgħammra b’wiċċ tal-logħob Greenset approvat mill-ITF, simili għal dak użat fl-Australian Open, kif ukoll dawl LED ta’ kwalità għolja fuq kull court. Barra minn hekk, il-faċilità toffri spazju adegwat għall-ispettaturi. Dan iċ-ċentru sportiv jinkludi ukoll diversi faċilitajiet fosthom kamra tal-fiżjoterapija, spazji apposta għall-atleti, u uffiċċji għall-Federazzjoni.

Il-Prim Ministru nnota kif fl-aħħar snin din id-dixxiplina sportiva tat-tennis rat qabża ’l quddiem anki fir-riżultati li rnexxielna niksbu fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Ewropa. “Biżżejjed ngħidu li fl-aħħar żewġ edizzjonijiet ta’ dawn il-Logħob irbaħna xejn inqas minn għaxar midalji fit-tennis, tlieta minnhom tad-deheb”, qal Dr Abela.
Huwa spjega kif dan l-investiment ikompli jsaħħaħ l-infrastruttura sportiva nazzjonali u jikkumplimenta proġetti oħra bħal dak tal-Padiljun tal-basketball f’Ta’ Qali, it-trakka tal-atletika fil-Marsa, il-kumpless sportiv tal-Marsa, kif ukoll il-Padiljun u ċ-Ċentru Akwatiku fir-Rabat, Għawdex, li jinkludi pixxina ta’ daqs Olimpiku.
Dr Abela semma wkoll il-ħidma li għaddejja fuq proġetti oħra, fosthom l-ewwel fażi tat-trakka ta’ Ħal Far, li mistennija titlesta fix-xhur li ġejjin. Huwa saħaq li dawn il-proġetti qed isiru possibbli bis-saħħa ta’ ekonomija li qed trendi.
Il-Prim Ministru għamel referenza wkoll għal diversi miżuri introdotti mill-Gvern biex jinkoraġġixxi stil ta’ ħajja aktar sana, fosthom is-sitt xhur gym mingħajr ħlas għaż-żgħażagħ u l-inċentivi fiskali għall-atleti professjonali.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Clifton Grima, qal li dan iċ-Ċentru Nazzjonali tat-Tennis huwa eżempju ċar ta’ kif spazju abbandunat jista’ jinbidel f’faċilità moderna u ta’ livell internazzjonali li tassew tagħmel differenza fil-ħajja tal-atleti u tal-komunità sportiva.
“Permezz ta’ investiment sostanzjali u kollaborazzjoni mill-qrib mal-Malta Tennis Padel Federation, qed nagħtu lill-isportivi tagħna l-għodod u l-infrastruttura li jixirqilhom biex jiżviluppaw u jilħqu l-potenzjal tagħhom”, tenna l-Ministru Grima.
Huwa żied jgħid li dan il-proġett mhux biss qed joħloq dar ġdida għat-tennis f’Malta, iżda qed juri wkoll l-impenn tal-Gvern li jkompli jinvesti fl-isport bħala mezz ta’ tkabbir personali, saħħa u opportunitajiet għall-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri.
Il-Kap Eźekuttiv ta’ SportMalta, Mark Cutajar qal li SportMalta hija kburija li qed tkompli tappoġġja l-komunità sportiva b’faċilitajiet ta’ livell għoli. Huwa qal li dan huwa eżempju ieħor ta’ kif entità tal-Gvern taħdem id f’id ma’ federazzjoni għall-benefiċċju reċiproku.
Min-naħa tiegħu, il-President tal-Malta Tennis Padel Federation, Marc Gingell Littlejohn, iddeskriva dan l-investiment bħala pass storiku għall-iżvilupp tat-tennis u l-padel f’Malta, b’faċilità state-of-the-art li saret realtà grazzi għall-appoġġ tal-Ministeru permezz ta’ SportMalta.
Huwa spjega li dan iċ-ċentru se jservi bħala hub ewlieni għat-taħriġ tal-atleti nazzjonali, filwaqt li joħloq opportunitajiet għal skambji ma’ plejers barranin u preparazzjoni għal tournaments internazzjonali. Żied li l-faċilità se tgħin ukoll lill-klabbs jorganizzaw aktar tournaments u attivitajiet, filwaqt li tappoġġja inizjattivi fl-iskejjel biex jiġi identifikat talent ġdid u promoss l-isport b’ħidma konġunta mal-Iskola Nazzjonali tal-Isport.

