Wednesday, September 10, 2025

Il-Prim Ministru Robert Abela jinawgura l-Padiljun Sportiv u Akwatiku fir-Rabat, Għawdex

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru Robert Abela inawgura l-Padiljun Sportiv u Akwatiku fir-Rabat, Għawdex. Dan il-padiljun se joffri faċilitajiet sportivi u akkwatiċi fuq ġewwa ta’ kwalità għolja għall-użu lokali, nazzjonali u internazzjonali.

Il-proġett, li jinsab strateġikament fil-qalba tar-Rabat Għawdex, jinkludi numru ta’ faċilitajiet li joffru firxa wiesgħa ta’ dixxiplini sportivi, minn pixxina ta’ daqs Olimpiku sa spazji speċjalizzati u żoni oħrajn t’attività fiżika.

Wara spettaklu sabiħ ta’ żfin sinkronizzat li ttella’ waqt l-inawgurazzjoni, f’diskors tal-okkażjoni, il-Prim Ministru Robert Abela qal li bi tlestija ta’ dan il-proġett f’Għawdex ftaħna l-bibien għall-avvenimenti sportivi internazzjonali.

Huwa żied jgħid li dan huwa proġett li se jagħti valur addizzjonali lill-gżira Għawdxija.
Il-Prim Ministru tenna kif dan hu wieħed minn kullana ta’ proġetti li qed jittrasformaw lill-gżira Għawdxija  u li qed jsaħħu l-aspett komunitarju u soċjali li tant hu importanti sabiex tinżamm l-identità Għawdxija, identità li tagħmel Għawdex tassew gżira ta’ villaġġi.

“Dan huwa t-tip t’investiment li jifforma l-bażi tal-istrateġija reġjonali għal Għawdex, li l-Gvern nieda u li issa qed jimplimenta”, saħaq il-Prim Ministru.

Dr Abela sostna li bħala Gvern se nibqgħu ninvestu kif għamilna f’dawn l-aħħar snin għaliex għalina Għawdex huwa parti miċ-ċentru tal-impenn tagħna fit-twettiq tal-ġid. Qal li b’hekk Għawdex isir il-mutur tal-prosperità ġdida ta’ pajjiżna. Il-Prim Ministru Robert Abela elenka wkoll għal proġetti u investimenti ta’ kwalità li qed isiru f’Għawdex.

F’dan il-kuntest semma l-binja tal-iskola ġdida primarja tar-Rabat, ix-xogħol li għaddej fit-triq bejn ir-Rabat u Marsalforn u l-proġett tal-mużew tar-Rabat Għawdex fejn ix-xogħol ukoll miexi ġmielu.

Il-Prim Ministru fisser ukoll li l-Gvern qed jipprepara sabiex iniedi numru ta’ proġetti oħra taħt il-Fond għall-Iżvilupp Sostenibbli fl-Urban. Spjega kif minn dan il-fond, Għawdex se jgawdi minn investiment ta’ €60 miljun.

“Dan huwa investiment ieħor li se jissarraf f’diversi proġetti fosthom spazji urbani ħodor li jinkludu l-parkeġġ taħt l-art fiċ-ċentru tar-Rabat Għawdex u l- estensjoni mal-ġnien tal-Villa Rundle”, qal il-Prim Ministru Robert Abela.

Fl-inawgurazzjoni tkellem ukoll il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri. Il-Ministru stqarr li Ilum kienet ġurnata storika għall-gżira Għawdxija bl-inawgurazzjoni tal-Padiljun Sportiv u Akkwatiku, l-ewwel proġett tax-xorta tiegħu f’Għawdex li jinkludi mhux biss l-ewwel pixxina ta’ daqs Olimpiku fil-gżira iżda joffri faċilitajiet sportivi ta’ livell internazzjonali taħt saqaf wieħed. Camilleri spjega li dan il-proġett jirrappreżenta l-qalba ta’ viżjoni ċara u konkreta għall-iżvilupp sportiv f’Għawdex.

“Bil-fatti qegħdin npoġġu fuq il-mappa Ewropea lil Għawdex bħala destinazzjoni sportiva li toffri l-aqwa faċilitajiet sportivi bi standards internazzjonali.

Għal snin twal il-pixxina kienet biss wegħda fuq il-karta, iżda llum saret realtà grazzi għal Gvern li jwettaq dak li jwegħed”, qal il-Ministru Camilleri. Il-Ministru Camilleri elenka l-ħidma li saret biex twettaq dan il-proġett u żied jgħid li dan il-padiljun se jkun kruċjali mhux biss għall-iżvilupp tal-isport fil-gżira, iżda wkoll għat-tkabbir tat-turiżmu sportiv, l-organizzazzjoni ta’ logħob internazzjonali u t-tkattir ta’ opportunitajiet għal atleti Għawdxin ta’ kull età.

F’dan il-Padiljun Sportiv u Akwatiku, apparti l-isport tal-għawm, atleti u sportivi jistgħu jipprattikaw ukoll dixxiplini oħrajn fosthom il-basketball, il-volleyball, in-netball, il-badminton, il-handball, il-padel u l-isquash. Barra minn hekk, il-binja għandha ukoll sala mibnija apposta għall-ġinnastika, l-iżfin, it-table tennis u l-arti marzjali.
















ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport