L-Erbgħa filgħaxija, il-Prim Ministru Robert Abela inawgura l-proġett tal-breakwater u moll, proġett b’investiment ta’ kważi €14-il miljun. Dr Robert Abela saħaq fuq l-impenn tal-Gvern li jkompli jsaħħaħ it-trasport domestiku bil-baħar. Dan hekk kif ħabbar li se tkun qed toħroġ sejħa għall-proposti mill-privat għall-operat ta’ servizz ta’ trasport bil-baħar bejn tas-Sliema, Buġibba u Għawdex.
B’hekk jkollna trasport tal-baħar aktar effikaċi u użat iżjed mhux biss bejn il-fliegu u l-portijiet ewlenin iżda ukoll lil hinn. Huwa żied jgħid li l-użu ta’ dan is-servizz se jkompli jiġi inċentivat billi jiġu offruti numru ta’ rotot bla ħlas, fosthom dik ta’ bejn Buġibba u tas-Sliema.
B’investiment parti minnhom minn fondi Ewropej, Infrastructure Malta lestiet fil-ħin il-bini ta’ breakwater u l-moll f’Buġibba. B’tul ta’ 180 metru dan il-breakwater se jkun qed iservi sabiex jitnaqqas l-impatt tal-mewġ fil-bajja kif ukoll jipprovdi protezzjoni superjuri għall-irmiġġ ta’ dgħajjes tas-sajd u bastimenti żgħar.
Mal-breakwater prinċipali nbniet fergħa b’tul ta’ 36 metru li tipprovdi kenn akbar u rmiġġ aktar sigur f’kundizzjonijiet tat-temp diffiċli flimkien ma’ terminal mgħammar b’waiting areas imkennija u faċilitajiet oħra li jaqdu l-bżonnijiet tal-passiġġieri li jivvjaġġaw bil-baħar.
Il-Prim Ministru semma kif din is-sena n-nefqa fuq proġetti b’investiment kapitali mistennija tiżboq il-biljun ewro. Dan huwa d-doppju ta’ dak li kien jintefaq fl-amministrazzjoni preċedenti. Huwa qali li dan l-investiment infrastrutturali huwa frott ħidma ta’ Gvern li stinka biex tkompli tissaħħaħ u tikber ekonomija dinamika u reżiljenti, flimkien mal-abbiltà tal-gvern li jinnegozja pakkett sostanzjali ta’ fondi Ewropej li qed jintefqu, fost l-oħrajn, fuq proġetti infrastrutturali li jagħtu valur miżjud fil-ħajja ta-ċittadini.
Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi, Chris Bonett spjega kif il-moll u ferry landing ġdid ta’ Buġibba huma pass ieħor ’il quddiem fil-viżjoni tal-Gvern għat-trasport bil-baħar. L-investiment bla preċedent f’dan is-settur fl-aħħar snin wassal għal żidiet rekord fin-numru ta’ passiġġieri Maltin li jagħmlu użu minnu.
Il-moll ta’ Buġibba se jservi għal operat ġdid tas-servizz tal-fast ferry minn Tas-Sliema sal-Imġarr Għawdex. Kompla billi qal li s-servizz tat-trasport bil-baħar ser jiġi integrat ma’ dak fuq l-art biex pajjiżna jkollu multi-modal transport system. “Bil-potenzjal li fih dan il-mezz tat-trasport alternattiv, illum intlaħaq tragward importanti biex tiġi faċilitata l-ħajja ta’ kuljum ta’ ħafna Maltin u Għawdxin.
Fis-snin li ġejjin, it-trasport marittimu ser jgħaddi għal-livell li jmiss. Għax akbar ma tkun l-isfida, akbar hi l- opportunità”, temm jgħid il-Ministru Bonett.
Fid-diskors tiegħu, il-Ministru għall-Fondi Ewropej u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali, Stefan Zrinzo Azzopardi, spjega kif dan il-proġett jagħmel parti minn proġett usa’ bl-isem ta’ SMITHS, li permezz tiegħu qed isiru investimenti kbar madwar Malta u Għawdex għal trasport ekoloġiku u mezzi alternattivi fuq il-baħar u fuq l-art.
Huwa qal li dan il-proġett f’Buġibba huwa parti minn din il-viżjoni, li permezz ta’ investiment sostanzjali ieħor minn fondi Ewropej qed toffri lill-pubbliku għażliet ġodda u prattiċi ta’ vjaġġar. “Bil-fondi Ewropej, qed nibnu alternattivi aktar sostenibbli u effiċjenti ta’ trasport min dawk tradizzjonali – mezzi li mhux biss itaffu t-traffiku fuq l-art, imma joffru konnessjonijiet aħjar u aktar sostenibbli għat-Tramunata ta’ Malta”, qal il-Ministru Zrinzo Azzopardi.