Il-Prim Ministru Robert Abela, waqt żewġ avvenimenti separati ġewwa l-gżira Għawdxija, inawgura żewġ lukandi ġodda, ir-Reef Hotel & Spa fir-Rabat u l-lukanda Ben f’Marsalforn — żewġ lukandi li jirriflettu investiment privat li qed ikompli jsaħħaħ il-prodott turistiku f’Għawdex.
Matul dawn iż-żjarat, il-Prim Ministru, akkumpanjat mill-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri, seta’ jara mill-qrib kif dawn iż-żewġ lukandi qed jikkontribwixxu għal prodott turistiku ta’ kwalità, sostenibbli u ffukat fuq esperjenza awtentika għall-viżitaturi u t-turisti li jżuruhom.
Il-lukanda Ben Marsalforn hija affiljata mal-grupp Meliá. Din il-lukanda qed tkompli ssaħħaħ l-offerta turistika mhux biss f’din il-lokalità b’kunċett modern, li jgħaqqad flimkien il-kumdità, il-mistrieħ u l-aċċessibbiltà.
Min-naħa l-oħra, ir-Reef Hotel & Spa, li tinsab fir-Rabat, Għawdex, hija lukanda b’madwar 110 t’ikmamar, faċilitajiet ta’ benesseri u spazji għall-avvenimenti.
Waqt dawn iż-żjarat separati, il-Prim Ministru sostna li Għawdex għandu rwol importanti fit-twettiq tal-Viżjoni Malta 2050, dan hekk kif il-gżira Għawdxija toffri karatteristiċi distintivi li dejjem aktar qed ifittxu t-turisti minħabba l-awtentiċità, il-kalma u l-karattru uniku bħala gżira ta’ villaġġi.
Dr Abela żied jgħid li l-Gvern se jkompli jinkoraġġixxi investiment turistiku sostenibbli li jkompli joħloq attività ekonomika matul is-sena kollha, jappoġġja n-negozji lokali u joffri dejjem aktar stabbiltà lill-ħaddiema fis-settur.

