Sunday, December 22, 2024

Il-Prim Ministru Robert Abela jindirizza l-konferenza ‘Meet in the Med’

Aqra wkoll

 “L-isforzi tagħkom qed jibnu bażi soda għal koperazzjoni akbar favur l-iżvilupp taż-żgħażagħ.” Dan kien il-messaġġ ewlieni tal-Prim Ministru Robert Abela hekk kif indirizza l-konferenza mtellgħa mill-Kunsill Nazzjonali għaż-Żgħażagħ ‘Meet in the Med’. Konferenza li ġabret fi ħdanha rappreżentanti taż-żgħażagħ mir-reġjun tan-Nofsinhar tal-Mediterran sabiex jiddiskutu temi imporanti filwaqt li jikkollaboraw fuq strateġiji dwar realtajiet u sfidi li qed taffaċċja din il-ġenerazzjoni. Dawn jinkludu l-koperazzjoni internazzjonali, id-diġitalizzazzjoni u s-sostenibbiltà fost oħrajn.

Fid-diskors tiegħu, il-Prim Ministru rrimarka kif iż-żgħażagħ huma l-mutur li jsuqu l-progress u l-bidliet li hemm bżonn. “Aħna għandna l-istess aspirazzjonijiet, li ngħixu f’pajjiż sabiħ, nadif u sigur filwaqt li ngawdu ħin ta’ kwalità mal-familji tagħna,” sostna l-Prim Ministru Abela.

 Dr Abela tenna l-fiduċja li għandu dan il-Gvern fiż-żgħażagħ hekk kif anke fakkar fil-Youth Advisory Forum b’kuntatt dirett mal-Gvern biex jiddiskuti sfidi reali bħat-tibdil fil-klima, l-edukazzjoni u x-xogħol. Dan flimkien anke mal-fiduċja li wera bin-nomina ta’ Glenn Micallef għall-kariga ta’ Kummissarju Ewropew u li għaliha ġie assenjat il-portafoll potenzjali taż-żgħażagħ. “In-nominat tagħna se jkun fuq ta’ quddiem biex ifassal il-futur tal-Ewropa b’rabta maż-żgħażagħ,” sostna l-Prim Ministru.

Meta kien qed jindirizza żgħażagħ ġejjin mill-Mediterran, il-Prim Ministru sostna wkoll, “Għalhekk nixtieq il-paċi mhux biss bejn il-fruntieri tagħna imma f’reġjuni lil hinn u madwar id-dinja. Dawn huma l-valuri li jgħaqqduna u jien nemmen bis-sħiħ fil-vuċijiet tagħkom, taż-żgħażagħ li taspiraw tgħixu f’komunitajiet stabbli u prosperi,” irrimarka l-Prim Ministru.

Il-Prim Ministru temm jispjega kif bil-ħolqien ta’ ambjent fejn iż-żgħażagħ jistgħu jimirħu, inkunu qed ninvestu fis-saħħa, ir-reżiljenza u s-sostenibbiltà tas-soċjetajiet tagħna. “Hekk kif inħarsu ’l quddiem, ejja nagħtu ispirazzjoni minn inizjattivi ħalli flimkien inwasslu bidla pożittiva u dejjiema. Ejja nkomplu nibnu Ewropa li ż-żgħażagħ tagħna jkunu kburin li jistgħu jsejħulha darhom,” temm il-Prim Ministru.

Waqt il-konferenza tkellem ukoll is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti li sostna li l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fit-tfassil tal-politika mhijiex biss aspirazzjoni iżda hija realtà li bħala Gvern kommessi li jkomplu jimplimentaw permezz ta’ diversi inizjattivi. “Permezz ta’ inizjattivi bħall-Vot 16, il-Youth Advisory Forum, u Youth Proofing, Malta qed tkompli tmexxi bl-eżempju. Qed noħolqu strutturi li jiżguraw li ż-żgħażagħ ikunu involuti fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet, u nħeġġeġ aktar pajjiżi biex isegwu dan l-eżempju li jwassal għall-iżvilupp ta’ politika inklużiva u li jkollha fiċ-ċentru tagħha ż-żgħażagħ.”

Ekonomija

Sport