Waqt avveniment li mmarka t-tnedija uffiċjali ta’ vettura Changan, il-Prim Ministru Robert Abela sostna li t-tnedija ta’ din il-marka ġdida ta’ vetturi f’Malta, tallinja mal-viżjoni tal-Gvern għall-futur tat-trasport. “Futur definit mit-teknoloġija, l-effiċjenza u r-responsabbiltà ambjentali,” sostna Dr Abela. Huwa tenna l-impenn tal-Gvern li jkompli jappoġġja t-tranżizzjoni ekoloġika, li qed tiġi implimentata permezz ta’ miżuri konkreti.
Il-Prim Ministru Abela rrefera għall-inċentivi li l-Gvern joffri sabiex wieħed jixtri vetturi elettriċi ġodda. Huwa saħaq li dawn il-miżuri qed jiżguraw li għażliet sostenibbli jibqgħu aċċessibbli kemm għall-familji kif ukoll għan-negozji.
Dr Abela żied jgħid li dawn l-isforzi jiffurmaw parti minn approċċ nazzjonali aktar wiesa’ favur azzjoni konkreta li qed tindirizza t-tibdil fil-klima. “Malta qed tinvesti fi trasport aktar nadif, f’enerġija rinnovabbli u f’infrastruttura aktar innovattiva biex tnaqqas l-emissjonijiet, ittejjeb il-kwalità tal-arja, u fuq kollox il-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin. Dan kollu jmur id f’id mal-Viżjoni Malta 2050, li tpoġġi s-sostenibbiltà, l-innovazzjoni u r-reżiljenza fuq quddiem nett tal-iżvilupp nazzjonali tagħna,” żied jgħid il-Prim Ministru.
“Ilum nistgħu ngħidu bi kburija li disgħa minn kull għaxar vetturi ġodda li qed jidħlu fis-suq Malti jaħdmu b’enerġija alternattiva,” saħaq il-Prim Ministru hekk kif iddeskriva din il-bidla bħala xhieda ta’ kemm l-għarfien pubbliku, f’dan ir-rigward, qed dejjem jikber.
Changan Automobile għandha preżenza u esperjenza internazzjonali. Kull ma jmur din il-marka qed tespandi fil-manifattura, ir-riċerka u l-iżvilupp tal-karozzi. L-ewwel mudell li qed jiġi introdott lokalment huwa Changan Deepal S07, b’aktar mudelli ppjanati ’l quddiem.

