Il-ħtieġa ta’ prudenza, il-kawtela u l-appoġġ għall-isforzi favur il-paċi u d-dieskalazzjoni kienu fost il-messaġġi ewlenin indirizzati mill-Prim Ministru Robert Abela mal-bqija tal-Mexxejja Ewropej waqt il-laqgħa informali tal-Kunsill Ewropew li saret fi Brussell fit-22 ta’ Jannar 2026. F’din il-laqgħa li ssejħet mill-President tal-Kunsill Ewropew Antonio Costa fi sfond ta’ inċertezza ġeopolitika, il-Prim Ministru Robert Abela esprima t-tħassib ta’ Malta dwar l-eskalazzjoni u t-ton li kkaratterizza d-diskussjoni marbuta ma’ Greenland.
Huwa tenna s-solidarjetà sħiħa ta’ Malta mad-Danimarka u mal-poplu ta’ Greenland, u saħaq li kull deċiżjoni dwar Greenland għandha tittieħed biss minn Greenland u r-Renju tad-Danimarka, skont il-liġijiet internazzjonali u ċ-Charter tan-Nazzjonijiet Uniti. Filwaqt li laqa’ l-iżviluppi li seħħew matul l-aħħar jiem f’dan ir-rigward, il-Prim Ministru enfasizza li f’din il-fażi sensittiva hemm bżonn li l-komunikazzjoni tkun meqjusa u kull pass u azzjoni jkunu meħuda b’kawtela.
Huwa wissa kontra kwalunkwe pass li jista’ jeskala t-tensjonijiet jew li jpoġġi pressjoni ġeopolitika mhux neċessarja fuq stati iżgħar. “Minkejja li l-aħħar żviluppi huma pożittivi, din żgur mhux kwistjoni mitmuma. Anzi nemmen illi l-ġimgħat li ġejjin se jkunu aktar sensittivi, u dan ifisser li rridu nkunu meqjusa ħafna fi kliemna, meqjusa fl-azzjonijiet tagħna u li konsistentement nifhmu li qegħdin inħarsu lejn sitwazzjoni ġeopolitika li d-dinja ma ratx bħala fl-aħħar għexieren ta’ snin.
Jiġifieri kollettivament bħala Unjoni Ewropea għandha responsabbiltà u rridu nkunu attenti ħafna f’dak kollu li nagħmlu, u rridu naġixxu b’maturità u b’responsabbiltà sabiex ma nagħmlu xejn li jista’ jeskala t-tensjonijiet jew inpoġġu lilna nfusna taħt pressjoni,” qal il-Prim Ministru wara s-Summit.
Id-diskussjonijiet waqt is-summit indirizzaw ukoll is-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani u l-isforzi favur il-waqfien mill-ġlied f’Gaża. Il-Prim Ministru ġedded l-appoġġ ta’ Malta lejn kull inizjattiva li timbotta ’l quddiem il-paċi u d-djalogu. F’dan il-kuntest, Dr Abela rrefera għad-diskussjonijiet dwar il-Bord tal-Paċi li ġie xprunat mill-Istati Uniti u saħaq li tali mekkaniżmi għandhom jintużaw biex jgħaqqdu u mhux biex jifirdu. Huwa tenna li jrid ikun hemm pragmatiżmu u diskussjoni kostruttiva fuq kull sforz li jressaqna lejn l-għan aħħari tal-paċi.
“L-intervent tiegħi kien illi dan il-bord għandna nħarsu lejh mhux neċessarjament biex l-Unjoni Ewropea u l-istati membri kollha jingħaqdu fih immedjatament, imma għandna narawh bħala opportunità, u minflok ikun punt ta’ diverġenza għandna naraw li nużawh bħala punt ta’ konverġenza,” sostna l-Prim Ministru. Il-Prim Ministru temm billi tenna l-impenn konsistenti ta’ Malta favur id-djalogu, il-kawtela u r-rispett lejn il-liġijiet internazzjonali bħala l-uniku triq lejn paċi sostenibbli.

