Thursday, October 9, 2025

Il-Prim Ministru Robert Abela jirrikonoxxi uffiċjalment l-Istat tal-Palestina f’isem Malta

Aqra wkoll

Il-PM Abela indirizza lill-mexxejja dinija fil-konferenza dwar is-soluzzjoni taż-Żewġ Stati fin-Nazzjonijiet Uniti fejn saħaq li “meta aspirazzjoni tkun iebsa biex isseħħ ma tagħmilhiex impossibbli biex titwettaq”.

F’isem il-poplu Malti, il-Prim Ministru Robert Abela ilbieraħ irrikonoxxa uffiċjalment l-Istat tal-Palestina. Din id-deċiżjoni storika qed tara lil Malta tingħaqad ma’ numru dejjem jikber ta’ pajjiżi li jemmnu li l-ħolqien tal-Istat Palestinjan għandu jkun pedament għall-kisba ta’ paċi dejjiema fil-Lvant Nofsani.

Il-Prim Ministru qal dan waqt il-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar is-soluzzjoni taż-Żewġ Stati.

Fid-dikjarazzjoni tiegħu, il-Prim Ministru Robert Abela qal, “F’isem il-poplu Malti, illum ikkonfermajt li pajjiżna qed jirrikonoxxi l-Istat Palestinjan. Il-pass tal-lum, iżda, huwa biss wieħed mill-ħafna azzjonijiet meħtieġa biex isseħħ il-ħolma ta’ dawk kollha ta’ rieda tajba. Il-ġuħ f’Gaża jrid jispiċċa. Il-ġlied irid jieqaf issa.

L-ostaġġi kollha tas-7 t’Ottubru jridu jinħelsu. Il-Ħamas m’għandu l-ebda rwol fil-futur tal-Istat ġdid Palestinjan.

Hu żied jgħid, “Nafu li t-triq hija iebsa u diffiċli, iżda s-soluzzjoni paċifika taż-żewġ stati tibqa’ l-unika soluzzjoni għar-reġjun, u aħna lesti noffru l-għajnuna tagħna biex nagħtu l-ħajja lil din is-soluzzjoni. Meta aspirazzjoni tkun iebsa biex isseħħ ma tagħmilhiex impossibbli biex titwettaq”.

Malta kkundannat b’mod konsistenti l-attakki terroristiċi tas-7 t’Ottubru 2023 mill-Ħamas u tenniet l-appell tagħha għall-ħelsien mingħajr kundizzjoni tal-ostaġġi kollha.

Dan flimkien mal-appell urġenti għall-waqfien mill-ġlied b’mod immedjat u permanenti f’Gaża.
Dawn id-dikjarazzjonijiet twasslu f’avveniment imfassal apposta bħala parti mill-ġimgħa tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti li qed isseħħ bħalissa fi New York.

Pajjiżi oħra li wkoll ikkonfermaw ir-rikonoxximent tal-Istat Palestinjan jinkludu Andorra, il-Belġju, Franza, il-Lussemburgu, New Zealand u San Marino. L-Awstralja, il-Kanada, il-Portugall u r-Renju Unit irrikonoxxew l-Istat Palestinjan fis-sigħat qabel.

Minbarra l-ħidma diplomatika, Malta qed taġixxi wkoll fuq bażi umanitarja. Lejlet din l-aħbar, il-Prim Ministru Robert Abela kkonferma li waslu f’Gaża, minn Malta, 250 tunnellata ta’ dqiq li se jitqassmu bħala għajnuna umanitarja lill-poplu Palestinjan. Malta qed tkompli tgħin ukoll lit-tfal Palestinjani midruba fil-kinflitt.

Il-Prim Ministru Robert Abela bħalissa jinsab fi New York għat-80 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, fejn aktar minn 190 mexxej dinji, fosthom Kapijiet tal-Istat u l-Gvern, huma miġbura biex jiddiskutu l-paċi globali, id-drittijiet tal-bniedem, u l-iżvilupp sostenibbli, taħt it-tema stabbilità mis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti António Guterres “Magħqudin Flimkien Aħjar: 80 sena u aktar għall-Paċi, id-Drittijiet tal-Bniedem, u l-Iżvilupp”.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport