Malta ospitat l-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Forum Ewropew IDAHOT+, wieħed mill-pjattaformi ewlenin li taħdem favur l-avvanz tad-drittijiet, l-ugwaljanza, u l-inklużjoni tal-persuni LGBTIQ+. Bit-tema “L-Avvanz tal-Ugwaljanza u l-Inklużjoni tas-SOGIGESC f’Ewropa li qed Tittrasforma”, il-Forum kellu l-għan li jqajjem kuxjenza akbar dwar il-ħtieġa t’impenn kontinwu kontra l-vjolenza u diskriminazzjoni, elementi li qeghdin kontinwament jheddu s-sikurezza u d-dinjità t’individwi LGBTIQ +.
Waqt id-diskors tiegħu, il-Prim Ministru Robert Abela tkellem dwar l-progress li għamlet Malta tul dawn l-aħħar għaxar snin fil-qasam tal-ugwaljanza. Il-Prim Ministru tenna kif f’Malta rnexxielna nagħmlu passi sinifikanti ’l quddiem lejn ugwaljanza ġusta għal kulħadd. “Aħna tajna drittijiet fundamentali li jwasslu biex wieħed jkun jista’ verament ikunu min irid u jħobb lil min irid, mingħajr ebda restrizzjonijiet. Bħala pajjiż, ridna nibagħtu messaġġ ċar, messaġġ li li tkun int mhux reat”, saħaq Dr Abela.
Waqt li faħħar l-progress f’dan ir-rigward, il-Prim Ministru rrikonoxxa wkoll li l-ħidma favur l-ugwaljanza teħtieġ impenn kontinwu. Huwa rrijafferma l-impenn sod tal-Gvern f’dan ir-rigward u stqarr li Malta se tkompli turi appoġġ bla heda hekk kif se tkompli taħdem qatigħ biex tibqa’ nazzjon fejn kompli ssaltan l-ugwaljanza.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi, Rebecca Buttigieg, saħqet li dan il-forum b’rappreżentanti ta’ gvernijiet, qiegħed jibgħat messaġġ qawwi ta’ solidarjetà favur id-drittijiet fundamentali tal-bniedem għall-komunitajiet LGBTIQ+. Hija insistiet li d-drittijiet għall-ugwaljanza, d-dinjità u l-inklużjoni huma valuri li għandhom dejjem jiggwidaw lill-gvernijiet u lis-soċjetà. Hija saħqet kif b’rieda politika qawwija, fl-aħħar għaxar snin, Malta għamlet avvanzi kbar fl-għarfien tad-drittijiet ċivili tant li fl-aħħar diċenju dejjem ikklassifikat fl-ewwel post fl-indiċi tal-ugwaljanza ta’ ILGA-Europe, minn fost 49 pajjiż Ewropew. Is-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza uriet tħassib dwar it-telfien ta’ xi drittijiet f’xi pajjiżi u qalet li għalhekk huwa essenzjali li l-kisbiet tad-drittijiet li saru jkomplu jiġu mħarsa u protetti minn attitudnijiet li jridu ireġġgħu lura d-drittijiet tal-bniedem.
Il-Forum appella għall-kollaborazzjoni aktar profonda u azzjoni magħquda favur Ewropa fejn l-ugwaljanza mhux biss tiġi prijoritizzata, iżda titwettaq ġenwinament.