F’laqgħa fil-Berġa ta’ Kastilja li fiha kien hemm numru ta’ membri tal-Kabinett tal-Ministri flimkien mat-tmexxija ta’ entitajiet, aġenziji, awtoritajiet u korpi dixxiplinati fil-pajjiż, il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-ħidma tal-Gvern wara l-maltempata qawwija li laqtet lil pajjiżna din il-ġimgħa għaddejja fuq tliet binarji:
Li jitneħħa kull periklu;
Li ma nħallu lil ħadd waħdu u noffru l-għajnuna meħtieġa;
Li nsewwu l-ħsarat u nerġgħu nirriġeneraw il-postijiet milquta.
Il-Prim Ministru Robert Abela rringrazzja lill-ħaddiema kollha li wieġbu b’dedikazzjoni kbira biex assistew waqt il-maltempata u minnufih wara, b’tindif u tneħħija ta’ periklu immedjat. Innota kif pajjiżna kien imħejji biex jilqa’ għall-maltempata tremenda fejn ma ġewx rappurtati mwiet jew korrimenti serji.
Il-Prim Ministru qal li quddiem sfidi li ffaċċja l-pajjiż, dejjem sab Gvern ta’ spalla għan-nies. Żied jgħid li l-ekonomija tagħna tippermetti li nassistu u għalhekk ma rridu nħallu lil ħadd waħdu fosthom familji u sidien ta’ negozji li ġarrbu ħsarat u għandhom spejjeż konsiderevoli. F’dan il-kuntest issemma kif hemm numru ta’ għajnuniet eżistenti għal sidien ta’ negozji bl-iskemi eżistenti Microinvest u l-Business development scheme u oħrajn li jridu jinħolqu għall-bdiewa, raħħala u sajjieda. Fid-diskussjoni ssemma wkoll il-Fond Soċjali u tal-Iżvilupp Nazzjonali (NDSF) li permezz ta’ fondi minnu jiġi ffinanzjat xogħol u assistenza meħtieġa.
Il-Prim Ministru aċċenna li apparti l-isforz kordinat biex l-awtoritajiet jilqgħu r-rapporti ta’ ħsarat ikkawżati mill-maltempata Harry, hija importanti wkoll il-fażi tar-rispons biex l-għajnuna tasal b’mod effikaċi. F’dan ir-rigward, is-Segretarju Permanenti Ewlieni Tony Sultana sostna kif il-Gvern u l-amministrazzjoni pubblika bħalissa qegħdin jiġbru l-informazzjoni kollha biex jevalvaw il-ħsarat li ħalliet warajha l-maltempata Harry. Qal li fl-istess waqt, dawk kollha li jixtiequ aktar informazzjoni jistgħu jagħmlu dan billi jċemplu 153 jew inkella jibagħtu email bid-dettalji kollha fuq [email protected].
Il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar ukoll li fix-xhur li ġejjin iridu jiġu rippristinati postijiet milquta mill-maltempata partikolarment postijiet mal-kosta fosthom Għar Lapsi, Wied il-Għajn, Marsaxlokk, Tas-Sliema, ix-Xgħajra. Qal li Għar Lapsi huwa post li issa ngħalaq minħabba l-periklu u biex jibda x-xogħol ħalli żona minnhom tkun lesta fix-xhur li ġejjin biex terġa’ tinfetaħ għall-pubbliku.
Fil-laqgħa, il-Kap tas-Segretarjat tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru, il-Kurunell Dr Mark Mallia aċċenna wkoll dwar l-implimentazzjoni tal-ħidma li hi meħtieġa ssir biex postijiet milquta jiġu riġenerati u l-familji u n-negozji milquta jirċievu l-għajnuna biex tagħmel tajjeb għall-ispejjeż marbuta mal-ħsarat.
Intqal ukoll li fil-jiem li ġejjin, permezz tad-Diviżjoni tat-Tindif u l-Manutenzjoni se ssir tindifa ġenerali mal-pajjiż kollu wara l-ħidma ffukata fl-aħħar jiem biex sar tindif f’postijiet milquta. Barra minn hekk madwar il-pajjiż issir manutenzjoni ġenerali. Infrastructure Malta wettqet ħidma fiż-żoni milquta filwaqt li Transport Malta intervjeniet madwar 50 darba permezz tal-uffiċjali tagħha favur is-sigurtà fit-toroq wara siġar, sinjali tat-toroq u billboards li nqalgħu.
Fil-laqgħa ngħata wkoll rapport ta’ bosta miżuri ta’ prekawzjoni u prevenzjoni li ħadmu, fosthom mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, li bi pjan ta’ kontinġenza ta’ ħażna u riservi tal-ilma, setgħet tkompli tissupplixxi lill-klijenti minkejja l-ħsara estensiva li sofrew ċertu impjanti tar-Reverse Osmosis bħal dawk f’Lapsi, Pembroke u Ħondoq ir-Rummien.
Issemmew ukoll setturi oħra fosthom tal-kostruzzjoni fejn ingħad li ntweriet koperazzjoni mill-industrija u qed isiru spezzjonijiet u evalwazzjonijiet fuq strutturi li sofrew mill-qilla tal-maltemp. Dan apparti li ssemmew l-għaqdiet volontarji li sofrew ħsarat fil-binjiet minn fejn joperaw u se tiġi wkoll direzzjonata assistenza lejhom. Matul il-laqgħa ġie spjegat li fuq spazju ta’ 48 siegħa, għand il-korpi dixxiplinati daħlu aktar minn 700 każ għal sejħa t’għajnuna. Fl-aħħar sigħat ukoll kien hemm każ ta’ kontejners li waqqgħu abbord bastiment ’il barra minn pajjiżna. Hawnhekk sar appell għal kawtela u attenzjoni mill-baħħara minħabba periklu li jista’ jinħoloq fuq opri tal-baħar.

