Waqt it-tnedija uffiċjali tal-ewwel High Performance Computer f’Malta, il-Prim Ministru Robert Abela enfasizza li pajjiżna verament qed ipoġġi l-futur diġitali fuq quddiem. Bl-introduzzjoni ta’ dan il-kompjuter ta’ prestazzjoni għolja, l-innovaturi Maltin issa għandhom aċċess għall-qawwa avvanzata tal-informatika li għandhom bżonn biex jagħtu l-ħajja lill-ideat tagħhom – f’pajjiżna stess.
“Fil-qalba ta’ din is-sistema hemm teknoloġija mill-aktar avvanzata, iżda s-saħħa vera tagħha tinsab f’dak li tista’ tagħmel għall-poplu tagħna. Din is-sistema se tgħin skoperti ġodda f’oqsma bħall-intelliġenza artifiċjali, il-bijoteknoloġija, l-immudellar tal-klima, it-teknoloġija finanzjarja, u l-avjazzjoni,” spjega Dr Abela.
Il-Prim Ministru nnota wkoll li din l-infrastruttura ġdida sservi bħala l-qofol ta’ DiHubMT, iċ-Ċentru Ewropew għall-Innovazzjoni Diġitali ta’ Malta (European Digital Innovation Hub), immexxi mill-Malta Digital Innovation Authority (MDIA). Huwa żied jgħid li permezz ta’ din l-inizjattiva u l-istruttura usa’ ta’ DiHub, in-negozji u l-istartups issa jistgħu verament jittestjaw qabel jinvestu.

Il-Prim Ministru Abela enfasizza li t-tnedija ta’ dan l-investiment ma setgħetx tkun aktar propizja. “Hekk kif l-intelliġenza artifiċjali u l-innovazzjoni xprunata mid-data qed jibdlu l-wiċċ ta’ kull industrija, il-pajjiżi li jinvestu fl-infrastruttura diġitali llum se jmexxu l-industriji ta’ għada. Id-deċiżjoni ta’ Malta li tniedi l-ewwel High Performance Computer tagħha tirrifletti propju din ir-realtà,” saħaq il-Prim Ministru.
Huwa tenna li dan it-tragward teknoloġiku għandu wkoll tifsira simbolika, billi jibgħat messaġġ qawwi liċ-ċittadini u lill-imsieħba internazzjonali tagħna li Malta qed tinvesti b’mod attiv fil-kapaċità u fil-kollaborazzjoni. “Qed nibnu pontijiet man-netwerks Ewropej, biex niżguraw li Malta tikkontribwixxi b’mod attiv għall-futur diġitali komuni tal-kontinent,” żied jgħid Dr Abela.
Il-Prim Ministru rrefera wkoll għall-Viżjoni Malta 2050, li tmexxi ’l quddiem pjan komprensiv imfassal biex jixpruna l-kwalità tal-ħajja u jsaħħaħ l-industriji permezz tal-innovazzjoni, is-sostenibbiltà u t-trasformazzjoni diġitali.
Il-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u l-Proġetti Strateġiċi, Silvio Schembri qal, “Illum qed inpoġġu l-opportunità fuq quddiem. Permezz tal-High Performance Computer, qed nagħtu lir-riċerkaturi tagħna l-għodda meħtieġa biex joħolqu u jmexxu fl-era diġitali. Għal żmien twil, l-aċċess għal dan it-tip ta’ għodda kien possibbli biss barra minn Malta, u bi spiża għolja. Iżda mil-lum, dawk l-ostakli tneħħew. Dawn ir-riżorsi issa jinsabu hawn Malta, lesti biex jintużaw. Dan hu l-vera progress, meta nagħtu liż-żgħażagħ u lir-riċerkaturi tagħna l-libertà li jimmaġinaw aktar u jiksbu aktar.”
Il-Ministru għall-Fondi Ewropej u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali Stefan Zrinzo Azzopardi, qal li dan il-proġett, kofinanzjat minn fondi Ewropej, jirrappreżenta pass ieħor lejn ekonomija bbażata fuq l-għarfien u d-diġitalizzazzjoni f’pajjiżna. Il-Ministru Zrinzo Azzopardi spjega li dan l-investiment se jkun ta’ ġid għal firxa wiesgħa ta’ setturi fosthom anke dak pubbliku, billi jipprovdi riżorsa unika li ssaħħaħ l-kapaċità ta’ pajjiżna fl-innovazzjoni u r-riċerka. “Dan il-proġett jirrifletti l-għanijiet tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tad-diġitalizzazzjoni u l-intelliġenza artifiċjali, fejn l-innovazzjoni timxi id f’id mar-responsabbiltà etika u mal-benefiċċju tas-soċjetà. B’investimenti bħal dawn qed nibnu pajjiż aktar avvanzat b’mod diġitali, aktar kompetittiv u aktar preparat għal ħtiġijiet ta’ għada.”