Friday, November 22, 2024

Il-Prim Ministru Robert Abela jrodd ħajr lill-ħaddiema ta’ San Vinċenz De Paule u Villino Maria, residenza li tospita persuni b’diżabilità

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru Robert Abela, akkumpanjat mill-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali Michael Falzon u s-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva u l-Persuni b’Diżabilità Silvio Parnis, żar u tkellem ma’ diversi ħaddiema li qed jikkontribwixxu direttament fil-ġlieda kontra l-imxija tal-Covid-19. Il-Prim Ministru żar żewġ postijiet differenti: San Vinċenz De Paule u residenza Villino Maria fl-Imtarfa li tospita persuni b’diżabilità.

Żjara ġewwa Villino Maria, Imtarfa

Waqt l-ewwel żjara, li bħala prekawzzjoni seħħet fil-miftuħ viċin l-istess residenza fl-Imtarfa, il-Prim Ministru kellu ċ-ċans jitkellem mhux biss mal-ħaddiema li qegħdin jgħixu ta’ kuljum f’din ir-residenza imma ma’ oħrajn imxferrxin madwar Malta u Għawdex.

L-impjegati tal-Aġenzija Sapport f’dawn ir-residenzi jlaħħqu għal madwar 130. B’31 minnhom qed jaħdmu fuq bażi ta’ live-in matul il-perjodu tal-Covid-19, fejn jidħlu fid-djar għal sebat ijiem sħaħ sabiex inaqqsu r-riskju li jesponu lill-klijenti għall-virus. Din hi waħda mill-miżuri li addottat l-Aġenzija, bi qbil mal-istess ħaddiema, sabiex nipproteġu lill-persuni b’diżabilità.

L-għan tas-servizz residenzjali huwa li persuna b’diżabilità tgħix f’residenza żgħira fil-komunità biex ikollha kwalità ta’ ħajja tajba u tkun inkluża fil-komunità. Il-klijenti f’dawn id-djar jipparteċipaw fi programmi mfasslin skont l-abbilitajiet differenti tal-klijenti. L-għan tagħhom huwa biex ngħinuhom jiksbu iktar l-indipendenza u sabiex jilħqu l-għanijiet mixtieqa. Fost oħrajn, il-klijent jitgħallmu kif jużaw is-servizz tal-karozzi tal-linja biex ikunu jistgħu jivvjaġġaw waħidhom. Klijenti oħrajn jattendu ċ-ċentru ta’ matul il-jum, jaħdmu xi xogħol, jew jattendu xi skola bħall-MCAST. Il-programmi jitfasslu u jsiru mal-klijenti sabiex iwassluhom għal dak li jixtiequ.

It-tim tal-management qed jagħti sapport lill-professjonisti permezz ta’ video calls u qiegħed f’kuntatt kontinwu mal-istaff permezz ta’ telefonati. Fost diversi miżuri oħrajn, fejn hu possibbli, qed jinxtraw prodotti ta’ tindif u ikel permezz ta’ siti online u b’delivery. Rigward mediċina bi preskrizzjoni, qed issir koordinazzjoni mal-POYC għal delivery fir-residenzi.

Fl-aħħar taż-żjara, il-Prim Ministru sellem ukoll lil dawk il-klijenti li baqgħu fuq l-għatba tar-residenza tagħhom bħala prekawzjoni. F’mument partikolari, resident offra rigal lill-Prim Ministru bħala element simboliku ta’ kuraġġ f’dan il-mument.

Preżenti għal din iż-żjara kien hemm ukoll il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Sapport Ruth Rose Sciberras u l-Kummissarju għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità Oliver Scicluna.

Żjara f’San Vinċenz De Paule

Fit-tieni żjara tiegħu, il-Prim Ministru tkellem mal-ħaddiema li ta’ kuljum joffru l-għajnuna medika lill-anzjani l-aktar vulnerabbli u li qed jaffaċċjaw l-akbar riskju fl-imxija tal-Covid-19. Infatti, preżenti f’din ir-residenza hemm madwar 1,100 anzjan u anzjana mqassma f’33 sala fejn huma ristretti li joqogħdu għall-ġid ta’ saħħithom. Biex tingħata l-kura u servizzi lil dawn ir-residenti hemm madwar 1,800 ħaddiem. Hemm it-tim mediku professjonali u multidixxiplinarju b’konsulenti u tobba fil-ġerjatrija, speċjalisti mediċi, spiżjara u dentisti fost ħafna oħrajn.

Matul dan il-perjodu, dawn il-ħaddiema wrew kuraġġ kbir. Mhux biss billi komplew bil-ħidma tagħhom imma b’determinazzjoni mlew ukoll il-vojt kbir li tħalla min-nuqqas ta’ żjarat li normalment kien isir mill-qraba.

Il-Prim Ministru rringrazzja lill-ħaddiema kollha tas-sagrifiċċju li qegħdin joffru; fejn f’mumenti ta’ sfida kienu minn tal-ewwel li jqumu għall-okażjoni.

Preżenti għal din iż-żjara kien hemm ukoll il-Kap Eżekuttiv ta’ San Vinċenz De Paule Josianne Cutajar.

Min-naħa tiegħu s-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva u l-Persuni b’Diżabilità Silvio Parnis wassal messaġġ ta’ kurraġġ lill-anzjani u lill-persuni b’diżabilità f’dan iż-żmien iebes. Is-Segretarju Parlamentari rringrazzja wkoll lill-ħaddiema kollha li jaħdmu fis-settur tal-anzjani u l-persuni b’diżabilità. Huwa qal “Kieku ma kienx hemm intom tipproteġu lil dawn il-persuni b’tant dedikazzjoni u tagħmlu dak kollu possibbli biex tipprevjenu t-tixtrid ta’ dan il-virus, kieku żgur ma kienx qed ikollna dawn ir-riżultati.

Il-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali Michael Falzon irringrazzja lill-Prim Ministru Robert Abela talli sab il-ħin biex juri apprezzament lejn il-ħaddiema li jaħdmu f’dawn l-oqsma. Il-Ministru Falzon faħħar id-dedikazzjoni ta’ kull ħaddiem li jaħdem fil-qasam soċjali, filwaqt li sellem lil dawk kollha illi minkejja r-restrizzjonijiet li ġabet magħha l-pandemija xorta baqgħu jaħdmu u jipprovdu s-servizzi lill-anzjani  u l-persuni b’diżabilità.

Sport