Friday, June 13, 2025

Il-Prim Ministru Robert Abela jżur Ċentru ta’ Servizzi għat-Tfal, Adolexxenti u Żgħażagħ fir-Rabat Għawdex

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru Robert Abela, akkumpanjat mill-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri u l-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela, żar iċ-Ċentru ta’ Servizzi għat-Tfal, Adolexxenti u Żgħażagħ fir-Rabat Għawdex.

Dan iċ-ċentru modern joffri firxa ta’ servizzi mediċi u terapewtiċi għat-tfal, adeloxxenti u żgħażagħ, fosthom occupational therapy, fiżjoterapija, speech therapy, psikjatrija tat-tfal u l-adolexxenti, kif ukoll servizzi ġodda bħal dental hygienist edukattiv, pedjatrija tal-komunità u terapija tal-familja.

Minn dan iċ-ċentru, li jinsab viċin tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, qed jibbenefikaw madwar 300 tifel u tifla flimkien mal-familji tagħhom.

Waqt din iż-żjara l-Prim Ministru kellu l-opportunità jiltaqa’ ma’ diversi familji li kienu qed jagħmlu użu minn dan is-servizz.

Il-Prim Ministru Robert Abela rringrazzja lit-tim tal-professjonisti li qed joffru dan is-servizz essenzjali f’ambjent adattat u inklussiv.

Huwa saħaq fuq l-importanza ta’ servizzi li jqiegħdu lit-tfal u l-familji tagħhom fiċ-ċentru tal-kura, u li jkunu aċċessibbli wkoll għall-komunità Għawdxija.

Dan iċ-ċentru jikkumplimenta l-viżjoni tal-Gvern li joffri kura integrata u sostenibbli, inkluż f’Għawdex, fejn qed isir investiment kontinwu fil-faċilitajiet tas-saħħa u fil-kapaċità tal-professjonisti tas-settur.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport