Monday, October 6, 2025

Il-Prim Ministru Robert Abela jżur Freshers’ Week fl-MCAST

Aqra wkoll

Fi żjara fil-kampus f’Raħal Ġdid tal-Kulleġġ Malti tal-Arti, ix-Xjenza u t-Teknoloġija, l-MCAST, il-Prim Ministru Robert Abela sostna li l-Gvern se jkompli jsaħħaħ l-investiment fl-edukazzjoni vokazzjonali biex aktar opportunitajiet ta’ kwalità jeħduhom iż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin.

Waqt Freshers’ Week, akkumpanjat mill-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima, il-Prim Ministru ltaqa’ ma’ bosta studenti, fosthom dawk li bdew kors fl-MCAST din is-sena. Fil-fatt hemm ftit aktar minn 3,600 student ġdid fl-MCAST din is-sena f’korsijiet varji. Din is-sena wkoll daħlu studenti fl-Istitut tas-Snajja’ li fetaħ il-Gvern b’impenn lejn it-tkattir tas-sengħa Maltija fost iż-żgħażagħ. B’kollox studenti fl-MCAST hemm ftit aktar minn 9,200 student, li jfisser 2% żieda fuq sena qabel.

Il-Prim Ministru Robert Abela nnota wkoll l-investiment li qed isir fl-Istitut tal-ICT, binja ta’ 3,420 metru kwadru li se titlesta fiż-żmien li ġej biex tagħti l-aqwa ambjent u faċilitajiet edukattivi għall-istudenti, fosthom laboratorji state-of-the-art. Il-Prim Ministru rrimarka wkoll għall-miżuri li daħħal il-Gvern biex jappoġġja lill-istudenti fosthom bl-għotja ta’ €1,500 fuq tliet snin li tingħata lill-ġenituri ta’ dawk l-istudenti li jibqgħu jistudjaw wara l-edukazzjoni obbligatorja. Minn din il-miżura qed igawdu wkoll l-istudenti tal-MCAST.

Il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li l-aqwa għaż-żgħażagħ u l-familji tagħna ifisser appoġġ lilhom tul vjaġġ edukattiv importanti biex iż-żgħażagħ imbagħad jaħtfu l-aqwa opportunitajiet li qed joffri l-pajjiż. Fakkar ukoll fit-tisħiħ fl-istipendji, fosthom f’korsijiet ta’ setturi emerġenti u qal li l-istipendju qiegħed hemm biex jibqa’ ħalli jappoġġja l-ħajja tal-istudent.

Il-Prim Ministru ltaqa’ wkoll ma’ bosta letturi li bdew igawdu mill-aqwa ftehim għall-edukaturi u l-ħaddiema tal-MCAST. Dr Abela qal li dan l-aqwa ftehim ifisser investiment ieħor qawwi fis-settur edukattiv. B’hekk l-MCAST kompla jsaħħaħ l-għodda meħtieġa biex ikompli jattira l-aqwa edukaturi speċjalizzati f’oqsma differenti li jagħtu taħriġ importanti lill-istudenti favur futur ċar b’għażliet konkreti biex javvanzaw fil-ħajja f’karrieri ta’ kwalità.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport