Il-Prim Ministru Robert Abela żar il-Gozo Cottage, impriża Għawdxija li tipproduċi prodotti tal-ikel u xorb ta’ kwalità għolja bbażati fuq it-tradizzjoni awtentika u standards moderni.
Matul din iż-żjara l-Prim Ministru Abela ltaqa’ mhux biss mat-tmexxija imma wkoll mal-ħaddiema tal-kumpanija. Huwa ra mill-qrib il-ħidma li ssir biex jiġu prodotti ikel u xorb ipproduċuti mill-istess kumpanija.
Il-Gozo Cottage hija xhieda ċara ta’ kif riċetti mgħoddija minn ġenerazzjoni għal oħra u impenn kontinwu lejn l-eċċellenza jistgħu jinbidlu f’mudell ta’ intrapriża ta’ suċċess sostenibbli.
Investiment ta’ €5 miljun f’faċilitajiet moderni kompla jsaħħaħ il-kapaċità ta’ din il-kumpanija li tħares il-wirt gastronomiku ta’ Għawdex filwaqt li taddatta ruħha għall-esiġenzi tal-lum.
Il-Prim Ministru faħħar l-impenn tal-kumpanija lejn is-sostenn tal-prodotti lokali, biex tinżamm il-kwalità u t-togħma naturali tal-prodotti. Dan l-approċċ mhux biss isaħħaħ l-awtentiċità tal-prodott, iżda jkompli jagħti valur lill-produtturi lokali.
Matul iż-żjara ġie enfasizzat kif Gozo Cottage qed tkompli tinvesti fir-riċerka, filwaqt li tikkollabora ma’ esperti internazzjonali biex tkompli ssaħħaħ il-kwalità tal-prodotti tagħha.

