Friday, December 12, 2025

Il-Prim Ministru Robert Abela jżur il-ħidma u t-tradizzjonijiet ta’ dawn iż-żminijiet fil-gżira Għawdxija

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru Robert Abela, akkumpanjat mill-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri, kompla biż-żjarat tiegħu f’Għawdex fejn seta’ jara mill-qrib l-entużjażmu u l-preparazzjonijiet għall-festi tal-Milied. Kienet ġurnata li laqqgħet flimkien il-bżulija tal-ħaddiema, is-suċċess tan-negozji u s-sbuħija tat-tradizzjonijiet li jagħtu identità lill-pajjiżna.

L-ewwel żjara fid-Direttorat tal-Manutenzjoni ta’ Għawdex, il-Prim Ministru ltaqa’ mal-ħaddiema li bħalissa jinsabu għaddejjin b’diversi xogħlijiet sabiex joħolqu id-dekorazzjonijiet li jżejnu t-toroq u jsebbħu l-gżira Għawdxija. Dawn ix-xogħlijiet qed jagħtu dehra unika lill-gżira u jkomplu jsaħħu l-atmosfera tal-Milied fil-komunitajiet kollha Għawdxin.

Wara, il-Prim Ministru żar Savina fejn seta’ josserva l-preparazzjoni ta’ rigali artiġġjanali magħmulin minn prodotti Għawdxin. Uħud minn dawn il-prodotti magħmulin f’Għawdex li minnhom qed isiru dawn ir-rigali artiġjanali se jiġu ppreżentati mill-Prim Ministru Robert Abela lill-Qdusija Tiegħu Papa Ljun XIV u lil diversi Mexxejja internazzjonali waqt iż-żjarat uffiċjali tiegħu fil-jiem li ġejjin.

Iż-żjara f’Għawdex kompliet ġewwa negozju prominenti ieħor Għawdxi, Vini e Capricci, kumpanija parti minn Abraham Holdings, fejn ix-xogħol għaddej fl-aqwa tiegħu. Hawn ġie nnutat kemm l-andament kummerċjali għaddej ġmielu f’dawn iż-żminijiet ta’ festi. Il-Prim Ministru żar l-uffiċini u l-imħażen fejn bosta ħaddiema kienu impenjati jippakkjaw il-‘hampers’ u prodotti oħra li jinbiegħu tipikament f’dan l-istaġun. F’dawn iż-żewġ kumpaniji spikkat il-bżulija tal-ħaddiema Għawdxin, b’negozji li dejjem qed jikbru u jwieġbu għad-domanda kbira speċjalment fiż-żmien tal-festi.

Wara din iż-żjara, il-Prim Ministru kellu l-opportunità jżur il-qalb kulturali ta’ Għawdex. Fix-Xagħra, il-Prim Ministru ltaqa’ ma’ Aaron Agius, dilettant tal-presepji li flimkien ma’ wliedu jiddedika ħinu biex jibni presepju artistiku għat-tgawdija tal-komunità. Iż-żjara għalqet fil-M.U.S.E.U.M. tan-Nadur. Hawnhekk, il-Prim Ministru seta’ jammira presepju spettakolari maħdum b’sengħa kbira mill-artist Jean Paul Portelli, xogħol rikonoxxut internazzjonalment.

Fi tmiem iż-żjara, il-Prim Ministru Robert Abela tkellem dwar l-ispirtu uniku tal-gżira Għawdxija. “Illum rajna Għawdex mimli ħajja bil-karatteristiċi tiegħu. Fuq naħa għandna l-innovazzjoni tan-negozji li qed joħolqu ġid u xogħol, u fuq naħa oħra l-qalb tal-artisti u l-voluntiera li jżommu l-identità tagħna ħajja. Huwa dan il-bilanċ bejn progress u tradizzjoni li jagħmel il-Milied f’Għawdex esperjenza tant speċjali”, qal Dr Abela.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport