Waqt żjara uffiċjali fil-Ġordan, il-Prim Ministru Robert Abela żar il-kamp tar-refuġjati Al Za’atari, li huwa operat mill-Aġenzija għar-Refuġjati tan-Nazzjonijiet Uniti, il-UNHCR.
Dan huwa l-akbar kamp tar-refuġjati fid-dinja li jassisti u jipproteġi refuġjati li ħarbu minn sitwazzjonijiet ta’ vjolenza fis-Sirja.
Hemmhekk il-Prim Ministru Robert Abela kellu ċ-ċans jiltaqa’ ma’ ħaddiema tal-UNHCR li ta’ kuljum iwettqu xogħol imprezzabbli ma’ 70,000 refuġjat. 50% tal-popolazzjoni ta’ dan il-kamp tar-refuġjati huma tfal u saħansitra 20% minnhom għandhom inqas minn 5 snin.
Fi ħdan dan il-kamp ukoll hemm 32 skola. Fil-fatt, 23,000 student jattendu fihom u jirċievu l-edukazzjoni tagħhom ta’ kuljum. Il-kamp jinkludi wkoll 8 ċentri tas-saħħa, bi klinika partikolari topera 24 siegħa kuljum. Apparti minn hekk jiġi offrut ikel u servizzi bħal dawk ta’ enerġija u ilma.
Filwaqt li segwa x-xogħol importanti li twettaq din l-aġenzija ta’ kuljum, il-Prim Ministru Robert Abela kellu ċ-ċans ukoll jiltaqa’ ma’ ħafna persuni li joqogħdu f’dan il-kamp. Magħhom Dr Abela kellu ċ-ċans isegwi attivitajiet differenti fosthom dawk ta’ xogħol tal-id u li jrendu finanzjarjament lura lil dan il-kamp.
Apparti minn hekk, il-Prim Ministru poġġa ma’ persuni differenti fosthom ma’ familji fejn sema’ l-esperjenzi tagħhom ta’ kuljum u x’wassal biex illum il-ġurnata jinsabu jirrisjedu f’dan il-kamp. Kien hawnhekk li Dr Abela ħabbar li l-Gvern Malti se jkun qed jassisti l-operat ta’ dan il-kamp tar-refuġjati u b’hekk lil dawn il-persuni nfushom b’għotja finanzjarja.
Hawnhekk, il-Prim Ministru kellu ċ-ċans jiltaqa’ wkoll ma’ wħud mit-tfal fejn hemmhekk saħansitra qattgħu ftit ħin jilagħbu l-logħba tal-ballun li tgħaqqad tant popolazzjonijiet u kulturi minn madwar id-dinja.
Il-Prim Ministru temm iż-żjara tiegħu b’messaġġ favur il-paċi li ġġib l-istabbiltà politika u ekonomika li tant tħalli ġid fost in-nies.