Monday, May 13, 2024

Il-Prim Ministru Robert Abela jżur investiment f’childcare centres ġodda; miżura ta’ sostenn kbir għall-familji

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru Robert Abela żar żewġ childcare centres li matul l-aħħar xhur raw investiment sostanzjali bil-għan li joffru l-aqwa ambjent lit-tfal li jagħmlu użu minnhom.

Is-servizz ta’ childcare b’xejn, introdott minn Gvern Laburista, baqa’ kulma jmur jissaħħaħ u llum din hija waħda mill-iktar miżuri li jgħinu lill-familji, partikularment dawk li jaħdmu, kif ukoll miżura li tħalli effett pożittiv fuq l-iżvilupp tat-tfal.

Id-domanda u l-ħtieġa ta’ investiment kontinwu f’servizz ta’ kwalità kienet waħda mir-raġunijiet għalfejn infetaħ iċ-childcare centre f’Ħaż-Żebbuġ, Little Treasure. Dan huwa t-tieni childcare centre li fetħet is-Sinjura Charmaine Debono, li spjegat lill-Prim Ministru dwar l-opportunitajiet fis-settur.

Il-Prim Ministru, akkumpanjat mill-Membru Parlamentari Malcolm Paul Agius Galea, sema’ kif b’investiment ta’ iżjed minn miljun ewro, it-tmexxija ta’ dan ic-childcare centre ħadet ħsieb li tkopri firxa wiesgħa ta’ servizzi u riżorsi essenzjali li jikkontribwixxu għall-aqwa esperjenza edukattiva għal dawn it-tfal.

Il-Prim Ministru Robert Abela rrimarka li dawn iċ-childcare centres qed jikkontribwixxu mhux biss għall-iżvilupp tat-tfal imma qed iwasslu wkoll biex aktar persuni, b’mod partikolari nisa, jidħlu fid-dinja tax-xogħol. Flimkien ma’ miżuri oħra bħat-tapering tal-benefiċċji u l-in-work benefit, din kienet waħda mill-miżuri importanti fil-pakkett ta’ making work pay, u li għax il-gvern baqa’ jkabbar l-ekonomija seta’ jibqa’ jappoġġahom dejjem iktar b’mod sostenibbli.

Fl-istess ħin il-privat qed ikompli jinvesti biex id f’id mal-gvern ikompli jsaħħaħ dan is-servizz. Fil-fatt, fit-tieni żjara tiegħu akkumpanjat mill-Membru Parlamentari Davina Sammut Hili, il-Prim Ministru żar iċ-childcare centre Quaddies fl-Imrieħel, li b’investiment ta’ €300,000 qed joffri servizz lil madwar 70 tifel u tifla. Is-Sinjura Christine Camilleri spjegat li l-investiment hu maħsub biex ikun ta’ servizz għall-ġenituri li jaħdmu fil-viċinanzi.

Il-Prim Ministru Robert Abela rrefera għall-irwol li t-tmexxija u l-ħaddiema ta’ dawn iċ-childcare centres għandhom fil-ħajja ta’ dawn it-tfal, hekk kif is-snin bikrija huma meqjusa bħala importanti fl-iżvilupp ta’ dawn it-tfal, u rringrazzjahom tad-dedikazzjoni li qed juru ta’ kuljum. Dan fl-istess ħin li tenna li s-sistema se tibqa’ tassigura li jkun hemm l-ogħla standards. Il-Prim Ministru sellem u rringrazzja lill-edukaturi u lill-carers kollha tas-servizz eċċellenti li joffru lit-tfal, u talli jkomplu jitħarrġu f’korsijiet edukattivi li jwassluhom biex jimirħu ’l quddiem fil-karriera tagħhom.

Sport