Il-Prim Ministru Robert Abela, akkumpanjat mill-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri, żar l-Assoċjazzjoni tal-Futbol Għawdxija (GFA) fix-Xewkija. Matul din iż-żjara l-Prim Ministru mhux biss iltaqa’ mal-membri tal-kumitat, imma kellu wkoll l-opportunità jitkellem mal-plejers tas-sezzjoni ta’ taħt l-14-il sena fil-grawnd tal-Gozo Football Stadium.
Waqt iż-żjara, il-Prim Ministru saħaq li l-isport għandu rwol kruċjali fl-iżvilupp tat-tfal u ż-żgħażagħ, mhux biss fuq livell kompetittiv, iżda wkoll għal fini ta’ dixxiplina, biex jitgħallmu jaħdmu f’tim, u fuq kollox għall-ġid fiżiku u mentali. Huwa rrimarka li l-pjan nazzjonali li qed jiddirezzjona lil pajjiżna sal-2050 – il-Viżjoni Malta 2050, jagħti prominenza lill-isport u l-attività fiżika u jagħti prijorità lill-kwalità ta’ ħajja aħjar għal kulħadd biex b’hekk ikollna komunitajiet aktar b’saħħithom u reżiljenti.
Il-Prim Ministru semma li l-Gvern jinsab impenjat li jkompli jsaħħaħ l-isport u l-infrastruttura sportiva, mhux biss f’Malta imma anke f’Għawdex. Huwa għamel referenza għall-investiment sostanzjali li sar fil-faċilitajiet sportivi f’Għawdex matul dawn l-aħħar snin biex jinħolqu aktar opportunitajiet għall-isportivi ta’ kull età u biex il-gżira Għawdxija tkun mgħammra b’infrastruttura sportiva ta’ livell għoli. Apparti l-appoġġ finanzjarju lill-assoċjazzjonijiet sportivi, ġie miftuħ il-Padiljun Sportiv u Akwatiku fir-Rabat, sar titjib fil-Korsa taż-Żwiemel f’Ta’ Xħajma u fis-Shooting Range ta’ Għajn Mellel, u b’kollaborazzjoni mal-Gozo Football Association, il-Gvern għen biex jissaħħu l-faċilitajiet tal-futbol f’Għawdex.
Iż-żjara tal-Prim Ministru Abela saret ġurnata qabel il-bidu tal-Gozo Weekender, hekk kif għat-tieni sena konsekuttiva Għawdex se jerġa’ jilqa’ logħbiet tal-Kampjonat Premier Malti fil-Gozo Stadium permezz ta’ kollaborazzjoni bejn il-Ministeru għall-Għawdex u l-Malta Premier League.
Imwaqqfa fl-1936 l-Assoċjazzjoni tal-Futbol f’Għawdex tmexxi kampjonati f’żewġ diviżjonijiet u diversi kompetizzjonijiet oħra, filwaqt li tgħin fl-iżvilupp ta’ plejers biex ikompli jsaħħaħ il-futbol Għawdxi.

