Tuesday, September 2, 2025

Il-Prim Ministru Robert Abela jżur l-Expo SiGMA-Euromed

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru Robert Abela llum żar is-SiGMA-EuroMed expo, ġewwa l-Malta Maritime Hub. Huwa ntlaqa’ mill-fundatur ta’ SiGMA Eman Pulis filwaqt li żar lill-eżebituri u ra l-aħħar innovazzjonijiet fil-qasam tal-gaming u t-teknoloġija.

Għal darb’oħra, Malta qed tospita wieħed mill-expos ewlenin ta’ SiGMA. Din l-edizzjoni attirat aktar minn 400 sponsor u esibitur, u madwar 12,000 delegat, inkluż 400 kelliem espert minn madwar id-dinja.

SiGMA bdiet bħala start-up, madankollu llum, hija intrapriża globali, b’isem rinomat fis-settur tal-gaming u t-teknoloġija, tant li saret wieħed min-negozji Maltin li għamlu suċċess kemm f’pajjiżna kif ukoll barra minn xtutna. L-uffiċini  li din il-kumpanija għandha f’pajjiżna jimpjegaw ’il fuq minn mitt professjonist kreattiv.

Fiż-żmien li ġej, il-Gvern ser jkun qed jiżgura li Malta tibqa’ pajjiż attraenti għall-avvenimenti internazzjonali bħal dan. B’hekk qed jitfasslu l-pjanijiet neċessarji għal Ċentru tal-Konvenzjonijiet maħsub biex jaqdi l-bżonnijiet ta’ summits globali bħal SiGMA u oħrajn. Din l-inizjattiva tkompli ssaħħaħ ir-reputazzjoni ta’ Malta bħala ċentru ta’ eċċellenza filwaqt li mistennija ssarraf f’investiment nazzjonali fl-ekonomija futura ta’ Malta.  Dan ukoll bħala parti essenzjali mill-Viżjoni Malta 2050.

Il-Prim Ministru Robert Abela kien akkumpanjat mill-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u l-Proġetti Strateġiċi Silvio Schembri.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport