Friday, April 25, 2025

Il-Prim Ministru Robert Abela jżur l-uffiċini ġodda ta’ eCabs Technologies u jfaħħar l-espansjoni internazzjonali tal-kumpanija Maltija

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru Robert Abela, akkumpanjat mill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi Chris Bonett, żar l-uffiċini ġodda ta’ eCabs Technologies f’San Ġiljan. eCabs Technologies, li tifforma parti mill-organizzazzjoni eCabs, hija kumpanija Maltija li żviluppat b’mod sħiħ pjattaforma teknoloġika ta’ ride-hailing li bħalissa qed topera f’diversi pajjiżi Ewropej. Waqt din iż-żjara, il-kumpanija ħabbret li ser tkun qed testendi l-operat tagħha f’Berlin il-Ġermanja u f’Bristol, fl-Ingilterra.

Il-kumpanija, li bdiet l-operat tagħha minn uffiċċju f’San Ġiljan fl-2009, illum qed twassal soluzzjonijiet ta’ mobilità aktar moderni f’diversi swieq regolati madwar l-Ewropa.

Matul din iż-żjara, il-Prim Ministru Abela ltaqa’ mal-fundatur u l-Kap Eżekuttiv tal-kumpanija, Matthew Bezzina, mat-tim eżekuttiv u ma’ diversi impjegati f’ambjent dinamiku u innovattiv li jħaddem aktar minn 250 ruħ. Flimkien mat-tmexxija tal-kumpanija ġie diskuss il-potenzjal ta’ Malta bħala ċentru ta’ innovazzjoni u l-impatt internazzjonali li l-kumpanija qed tagħmel.

Il-Prim Ministru spjega kif it-tkabbir u l-kisbiet ta’ din il-kumpanija huma xhieda ta’ kif viżjoni u ħidma iddedikata jistgħu jħallu riżultati kbar. “L-espansjoni internazzjonali tal-eCabs Technologies tixhed il-potenzjal tal-kumpaniji Maltin li jeċċellaw u jikkompetu globalment.”

Dan il-pass storiku għall-kumpanija Maltija wasal wara t-tlestija ta’ programm ta’ żvilupp teknoloġiku ta’ €18-il miljun, wieħed mill-akbar proġetti finanzjati b’mod lokali, b’appoġġ mill-Bank Malti għall-Iżvilupp u l-Bank of Valletta.

Il-Prim Ministru stqarr ukoll kif l-irwol ta’ istituzzjonijiet bħall-Bank Malti għall-Iżvilupp hu kruċjali biex kumpaniji bħal dawn ikomplu jikbru u jsaħħu l-pożizzjoni tagħhom fi swieq internazzjonali. “Din mhux biss storja ta’ suċċess iżda mudell għal ħafna start-ups oħra Maltin li għandhom l-ambizzjoni li jilħqu s-swieq barranin,” temm jgħid il-Prim Ministru.

L-espansjoni f’Berlin, permezz tas-servizz innovattiv Femride, sistema ta’ ride-hailing għan-nisa, kif ukoll f’Bristol, l-ewwel belt fir-Renju Unit li tadotta din il-pjattaforma, twassal l-operat ta’ eCabs għal ħames swieq ewlenin li jinkludu Malta, Ateni, Bucharest, Berlin, u Bristol. Suq ieħor barra l-Unjoni Ewropea mistenni jiġi mħabbar fil-ġimgħat li ġejjin.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport