Il-Prim Ministru Robert Abela żar numru ta’ kumpaniji f’Għawdex li jkomplu jixhdu l-fiduċja tan-negozji u l-kumpaniji lokali fl-ekonomija Maltija.
L-ewwel żjara tal-Prim Ministru kienet dik f’Hutchinson Gozo, kumpanija tal-manifattura li tħaddem mal-235 persuna u li tifforma parti minn kumpanija dinjija li tħaddem aktar minn 40,000 persuna f’25 pajjiż differenti, bi dħul ta’ madwar €5 biljun fis-sena.
Dr Abela, flimkien mat-tmexxija ta’ din il-kumpanija, żar ukoll il-ħaddiema tagħha fejn hemmhekk ġie spjegat ukoll it-tip ta’ xogħol li jsir u li jimraħ f’numru ta’ setturi differenti fosthom dak tal-enerġija, id-difiża u l-avjazzjoni.
It-tmexxija ta’ Hutchinson Gozo spjegat ukoll kif fl-aħħar snin il-kumpanija investiet mas-€6 miljun biex tkun tista’ tiddiversifika l-ħidma tagħha filwaqt li tkun aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija, permezz ta’ makkinarju ġdid u postijiet tax-xogħol ġodda ta’ kwalità għal aktar Għawdxin u Maltin.
Intant, fix-Xewkija f’Għawdex ukoll, il-Prim Ministru żar il-kumpanija Magro Brothers li s-sena li għaddiet ħabbret investiment ta’ €12.5 miljun li permezz tiegħu, il-kumpanija se tkun tista’ tirdoppja l-produzzjoni tagħha u tagħmilha mal-aqwa ħames kumpaniji Ewropej fis-settur.
Fil-fatt, it-tmexxija tal-kumpanija spjegat lill-Prim Ministru kif matul l-aħħar snin, il-kumpanija esperjenzat tkabbir sostanzjali fl-esportazzjonijiet tagħha ta’ table sauces u matul l-2024 laħqet il-kapaċità sħiħa tal-produzzjoni.
Kien għalhekk li nħass il-bżonn ta’ dan l-investiment il-ġdid u li b’hekk wassal għal aktar xogħlijiet ta’ kwalità fosthom bil-bżonn ta’ 15-il technician speċjalizzat. Hawnhekk ukoll permezz ta’ dan l-investiment il-konsum tal-enerġija se jonqos u permezz ta’ dan il-proċess il-konsumatur se jkun jista’ wkoll jirriċikla l-fliexken li se jkunu 100% riċiklabbli.
Wara li ltaqa’ mal-ħaddiema li ta’ kuljum ikomplu jagħmlu lil din il-kumpanija suċċess, il-Prim Ministru Robert Abela sostna li, “Il-fiduċja fl-ekonomija ta’ pajjiżna qed tkompli tissarraf f’aktar investimenti li filwaqt li joħolqu aktar impjiegi ta’ kwalità għall-poplu tagħna, qed iwasslu wkoll biex ikun prijoritizzat l-ambjent. Għalhekk huwa importanti li filwaqt li nkomplu nindukkraw u nieħdu ħsieb l-ekonomija tagħna għaliex dik hija l-bażi ta’ kollox, inkomplu ninċentivaw ukoll l-investiment għaqli sabiex pajjiżna jibqa’ javvanza quddiem futur mill-isbaħ li għandu quddiemu”.