Skont l-artikolu 49 tal-Kostituzzjoni ta’ Malta, il-Prim Ministru Robert Abela se jkun qed jaħtar lil Dr Helena Dalli bħala Aġent President tar-Repubblika ta’ Malta meta l-President ta’ Malta, l-E.T. Dr Myriam Spiteri Debono tkun fost oħrajn assenti minn Malta.
Dan qed isir ai termini tal-istess artikolu msemmi u b’konsultazzjoni mal-Kap tal-Oppożizzjoni.
Dr Helena Dalli ġiet eletta fil-Parlament Malti sa mill-1996 u f’kull leġislatura, sa dik li bdiet fl-2017. Fost oħrajn hija kienet Ministru għar-Relazzjonijiet Industrijali, għall-Affarijiet Ewropej, għall-Ugwaljanza u d-Drittijiet Ċivili fejn mill-2013 ’il quddiem kienet katalista ewlenija li mbuttat bosta riformi u l-introduzzjoni ta’ numru ta’ drittijiet ċivili li ħallew impatt pożittiv fuq is-soċjetà fosthom gruppi tal-minoritajiet.
Fl-2019 hija nħatret bħala l-ewwel Kummissarju Ewropew għall-Ugwaljanza fejn kienet strumentali fit-tfassil ta’ strateġiji u liġijiet Ewropej biex l-Unjoni Ewropea tersaq aktar lejn Unjoni ta’ Ugwaljanza. Dr Dalli kienet għal bosta snin lettur fl-Università ta’ Malta tgħallem is-Soċjoloġija tal-Liġi. Hija kienet l-ewwel mara Maltija li nħatret fil-Kummissjoni Ewropea u fl-2023, Helena Dalli ngħatat l-Ordni Nazzjonali tal-Meritu.