Wednesday, September 3, 2025

Il-Prim Ministru rriafferma l-impenn kontinwu tal-Gvern li jara li l-ġurnaliżmu jkompli jissaħħaħ.

Il-Prim Ministru Robert Abela jindirizza ‘Business Breakfast’ li mmarka d-90 anniversarju mit-twaqqif tat-‘Times of Malta’

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru Robert Abela awgura lil Times of Malta għas-snin twal ta’ servizz ġurnalistiku li taw lil pajjiżna, waqt li kien qed jindirizza Business Breakfast organizzat mill-istess organizzazzjoni f’għeluq id-90 sena mit-twaqqif tagħhom.

Waqt dan l-avveniment, il-Prim Ministru nnota li x-xenarju tal-midja tal-lum huwa msawwar minn sfidi fejn il-fatti jiġu mistoqsija, id-diżinformazzjoni tinfirex b’mod mgħaġġel, filwaqt li l-ġurnaliżmu qed jiffaċċja pressjonijiet kemm ekonomiċi kif ukoll diġitali. Madankollu, huwa enfasizza l-fatt li l-istorja turina li ġurnaliżmu ta’ kwalità jibqa’ dejjem kruċjali għad-demokrazija fil-pajjiż.

Il-Prim Ministru rriafferma l-impenn kontinwu tal-Gvern li jara li l-ġurnaliżmu jkompli jissaħħaħ. Huwa rrefera għat-tnedija tal-konsultazzjoni pubblika dwar ir-riforma fil-midja, liema riforma tipprijoritizza l-protezzjoni tal-ġurnalisti, t-tisħiħ tal-libertà tal-espressjoni, u l-ħarsien tal-integrità professjonali. Permezz ta’ din ir-riforma l-Gvern għandu l-għan li jsaħħaħ il-qafas legali  billi jħares kemm il-libertà ġurnalistika kif ukoll id-dinjità tal-bniedem. Hawn semma kif il-Gvern mhux jara li jintroduċi l-libell kriminali, li kienet din l-amministrazzjoni li neħħietu iżda hemm diskussjoni li għandha tkun aktar fl-ambitu legali ċivili. Dr Abela sostna li l-liġi ċivili tagħna trid tkompli toffri protezzjoni lil dawk il-ġurnalisti ta’ rieda tajba u rimedju proċedurali u kompensatorju effettiv lil dawk li huma vittmi ta’ dawk li jabbużaw mil-libertà tal-espressjoni.

Il-Prim Ministru Robert Abela fakkar kif il-Gvern mexxa wkoll ’il quddiem tliet proposti leġiżlattivi biex jiġi żgurat li l-libertà tal-istampa tkun minquxa fil-Kostituzzjoni ta’ Malta, kif ukoll biex jissaħħu d-drittijiet tal-privatezza, u biex il-ġurnalisti jingħataw salvagwardji aktar b’saħħithom kontra l-intimidazzjoni. Il-Prim Ministru nnota b’sodisfazzjon li Malta kienet l-ewwel pajjiż fl-Ewropa li ttraspona l-leġiżlazzjoni Anti-SLAPP, u assigura li kawżi vessatorji ma jintużawx biex isikktu rappurtaġġ fl-interess pubbliku.

Il-Prim Ministru rrefera wkoll għall-passi prattiċi li ttieħdu biex titjieb is-sigurtà tal-ġurnalisti, fosthom protokolli ġodda biex il-pulizija u s-servizzi tas-sigurtà jirrispondu malajr u b’mod effettiv għat-theddid. Huwa semma’ kif il-Gvern irrikonoxxa wkoll il-pressjonijiet finanzjarji li qed jiffaċċjaw il-kmamar tal-aħbarijiet, tant hu hekk li pprovda appoġġ fi żminijiet ta’ sfida billi taffa l-effetti tal-pandemija kif ukoll billi assista lill-gazzetti stampati milquta mill-għoli fil-prezz tal-karta.

Hekk kif it-Times of Malta ċċelebrat dan il-vjaġġ ta’ ħidma, il-Prim Ministru Abela appella għal impenn kollettiv u sostnut mill-Gvern, il-midja, u ċ-ċittadini biex ilkoll flimkien jiżguraw li l-ġurnaliżmu f’Malta jkompli jkun vibranti.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport