Il-Prim Ministru Ukren Denys Shmyhal qal li d-difensuri tal-belt assedjata ta’ Mariupol se jibqgħu jiġġieldu lill-forzi Russi sal-aħħar. Huwa tenna li din il-belt għadha ma ċedietx u dan minkejja l-ultimatum li tawhom il-forzi Russi biex iċedu. Min-naħa tiegħu, il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Ukren Dmytro Kuleba qal li l-forzi Russi qerdu lil din il-belt kważi għalkollox u apparti hekk, uffiċjali lokali qalu wkoll li l-forzi Russi mhu qed iħallu lil ħadd jidħol u joħroġ minn din il-belt.
Il-belt ta’ Mariupol hija waħda importanti ħafna fl-istrateġija militari Russja, għax jekk din jirnexxilha teħodha r-Russja jkollha bażi b’saħħitha fin-Nofsinhar u l-Lvant tal-Ukrajna. F’intervista li Shmyhal kellu mal-istazzjon Amerikan ABC, huwa qal li l-ultimatum li taw ir-Russi – li skada nhar il-Ħadd – ġie injorat. Huwa tenna li, “il-belt ma waqgħetx… għad hemm il-forzi militari, is-suldati tagħna, u għalhekk se niġġieldu sal-aħħar. U s’issa, dawn għadhom f’Mariupol.”
Il-militar Russu qiegħed jgħid li huma qed jikkontrollaw kważi l-belt kollha, filwaqt li l-Battaljun Ukren Azov qal li huma qed iżommu sod fiż-żona industrijali ta’ Azovstal. Justin Crump, li huwa espert militari, f’kummenti li ta lil BBC qal li qiegħed ikun ikkalkulat li f’Mariupol hemm bejn 500 u 800 suldat Ukren. L-istess espert tenna li f’din iż-żona ta’ industrijali importanti hemm għadd ta’ bunkers li kienu ġew mibnija biex saħansitra jkunu jifilħqu anke f’każ ta’ attakk nukleari.
Għalhekk, id-difensuri ta’ din il-belt għandhom bażi soda minn fejn ikunu jistgħu jilqgħu għall-offensiva Russa. Crump tenna li s-suldati Ukreni kellhom biżżejjed żmien biex jiffortifikaw din iż-żona u anke joħolqu passaġġi sigrieti minn fejn ikunu jistgħu jidħlu u joħorġu. Għalhekk huwa jemmen li l-forzi Russi jeħtiġilhom iktar żmien biex jieħdu kontroll.