Sunday, November 24, 2024

Il-Prinċep Andrew lest iħallas miljuni ta’ ewro biex “imewwet” kawża ta’ abbuż sesswali

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Il-Prinċep Andrew u Virginia Roberts Giuffre waslu għal ftehim fil-kawża għad danni li l-mara fetħet kontrih b’akkużi ta’ abbuż sesswali. Dan il-pass se jevita li joħorġu fil-miftuħ dettalji tal-mistħija dwar aġir mhux f’postu minn dan il-membru rjali Ingliż.

Skont dokumenti legali ippreżentati fil-qorti federali ta’ Manhattan, is-somma tal-ftehim mhiex se tkun magħrufa pubblikament iżda sors qal lill-ġurnal “The Post” li l-ħlas inkwistjoni huwa stmata li jilħaq it-€10.5-il miljuni. Skont rapporti tal-qorti Giuffre u l-Prinċep Andrew se jippreżentaw talba konġunta biex jaqa’ l-każ tagħhom, fi ftit kliem, imewtuh.

F’karta mhux iffirmata ppreżentata fid-dokumenti ta’ ftehim bejn iż-żewġ partijiet, Andrew qal li jaċċetta li Giuffre sofriet bħala vittma ta’ abbuż sesswali iżda ma jammettix li huwa għamel xi żball. L-ittra tgħid li, “il-Prinċep Andrew qatt ma kellu l-ħsieb li jagħmel ħsara lil Giuffre u jaċċetta li hija sofriet kemm bħala vittma ta’ abbuż, kif ukoll minn attakki pubbliċi inġusti fil-konfront tagħha”.

Fl-ittra jingħad ukoll li huwa magħruf li fuq medda ta’ snin Jeffrey Epstein kien jitraffika numru kbir ta’ tfajliet. Żied jingħad li, “il-Prinċep Andrew jiddispjaċih li kien assoċjat miegħu u jfaħħar il-kuraġġ tas-Sinjorina Giuffre kif ukoll persuni oħra li ħarġu rebbieħa minn abbuż u ġġieldu għalihom u għal vittmi oħra”. 

Fi stqarrija ġie ddikjarat li Andrew se jiġġieled kontra l-“ħażen” tat-traffikar uman għal skopijiet sesswali u li se jagħti donazzjoni sostanzjali fi flus lill-għaqda ta’ karità ta’ Giuffre li tgħin vittmi ta’ offiżi kriminali ta’ natura sesswali.

Konsegwenzi kbar għall-Prinċep Andrew

Ir-Reġina Eliżabetta wara pressjoni mill-pubbliku Ingliż, neħħiet l-unuri militari u patroċinji onorarji fost l-oħrajn wara li l-qorti kienet iddeċidiet li l-proċeduri ta’ dan il-każ ta’ allegat abbuż sesswali jista’ jinstema’ fl-istess qorti.

Il-Prinċep Andrew spiċċa jiġġieled waħdu dan l-iskandlu li seħħ allegatament minħabba l-ħbiberija bejnu u bejn Jeffrey Epstein u Ghislaine Maxwell. Dawn tal-aħħar kienu misjuba ħatja ta’ sfruttament ta’ tfajliet f’każ ieħor il-qorti. Din is-sitwazzjoni wasslet għall-akbar kriżi li qatt kellha l-familja rjali Ingliża wara dik tal-mewta traġika tal-Prinċipessa Diana.

Il-familja rjali appoġġjat lil Andrew għal aktar minn 10 snin minn mindu ħarġet l-istorja fuq il-midja. Min-naħa tiegħu l-Prinċep Andrew dejjem ċaħad l-allegazzjonijiet.

Għalissa Andrew għad għandu t-titli ta’ prinċep u ta’ duka iżda m’għandux il-faklutà li jagħmel diskorsi u jirrappreżenta lill-familja rjali Ingliża f’safar u ċerimonji. Barra minnhekk huwa ġie mċaħħad li quddiem ismu jkollu t-titlu ta’ His Royal Highness (HRH).

Sport