Sunday, November 16, 2025

Il-prinċipju qabel il-popolarità: Tifkira ta’ Karmenu Mifsud Bonnici

Jikteb l-MPE Daniel Attard

Aqra wkoll

Karmenu Mifsud Bonnici ma kienx biss Prim Ministru. Kien raġel ta’ prinċipju, soċjalist veru, li f’ħajtu kollha, personali, professjonali u anke fil-politika, mexa fuq il-prinċipji tas-servizz, tal-ġustizzja u tal-ugwaljanza.

Karmenu emmen li l-politika trid tibqa’ dwar in-nies, politika li tagħti ċans lil kull wieħed u waħda minna biex jimxi ’l quddiem, li tħares id-drittijiet tal-ħaddiema, u politika li tara li Malta tibqa’ pajjiż li jħaddan il-paċi u n-newtralità b’mod sħiħ.

Karmenu jfakkarna li n-newtralità mhix kwistjoni ta’ skiet jew indifferenza, imma ta’ kuraġġ, ta’ ħsieb indipendenti u ta’ prinċipju li ma jċedix quddiem il-pressjoni internazzjonali.

Għalija, Karmenu Mifsud Bonnici mhuwiex biss figura tal-imgħoddi. Huwa ispirazzjoni ta’ kuljum fil-ħidma tiegħi fil-Parlament Ewropew.

Kull darba li nitkellem biex niddefendi lil Malta, kull darba li ninsisti li l-Unjoni Ewropea għandha tittratta lil kulħadd b’mod ugwali, imma ma tpoġġix lil kulħadd fl-istess keffa – kulħadd indaqs, imma mhux kulħadd fl-istess keffa – niftakar fil-valuri li kien jgħix Karmenu.

Kien jemmen li l-prinċipju għandu valur akbar mill-popolarità, u li l-valuri soċjalisti veru għandhom jinħassu fil-prattika ta’ kuljum.

Din il-ġimgħa, hekk kif qed infakkruh b’monument xieraq fil-Pjazza ta’ Kastilja, inġeddu l-impenn tagħna li nkomplu ngħixu l-legat politiku tiegħu, dak tal-ġustizzja, tas-solidarjetà u tad-dinjità għall-poplu u l-ġens Malti u Għawdxi.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport