Tuesday, February 10, 2026

Il-prinċipju ta’ Paga Ugwali għal Xogħol tal-Istess Valur japplika għall-care workers ta’ Healthmark Care Services Ltd. u Support Services Ltd.

Aqra wkoll

Il-prinċipju ta’ Paga Ugwali għal Xogħol tal-Istess Valur daħal fis-seħħ għall-care workers impjegati ma’ Healthmark Care Services Ltd. u Support Services Ltd., wara diversi taħditiet u negozjati ma’ stakeholders ewlenin. Dan il-pass jikkonferma l-impenn lejn ġustizzja soċjali u ugwaljanza fil-post tax-xogħol.

It-Taqsima Gvern, Entitajiet Pubbliċi u Saħħa fi ħdan il-GWU ħadmet bla waqfien sabiex tiżgura li din il-liġi tiġi implimentata wara proċess kumpless li rrikjeda impenn kontinwu, djalogu kostanti u laqgħat mal-partijiet kollha involuti.

“Wara diskussjonijiet twal u negozjati sensittivi, instab ftehim li jagħmel ġustizzja mal-care workers li għal snin sħaħ kienu jwettqu l-istess xogħol bħal ħaddiema oħra fis-settur li jaħdmu fl-istess post tax-xogħol iżda b’kundizzjonijiet u paga differenti. Illum, dawn il-ħaddiema qed jirċievu dak li hu dovut lilhom skont il-liġi u l-prinċipji ta’ ugwaljanza,” qal is-Segretarju Kendrick Bondin.

Dan ir-riżultat juri l-impenn tal-GWU, tal-kumpaniji kkonċernati u tal-Gvern favur ambjent tax-xogħol aktar ġust u ekwu. Il-prinċipju ta’ Paga Ugwali għal Xogħol tal-Istess Valur mhuwiex biss frażi fuq karta, iżda wegħda konkreta li kull ħaddiem li jwettaq l-istess dmirijiet u responsabbiltajiet għandu jingħata l-istess rikonoxximent u kumpens.

It-Taqsima esprimiet sodisfazzjon li permezz ta’ ħidma kollettiva setgħet ittejjeb b’mod reali l-kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ dawn il-care workers, li jaqdu rwol kruċjali fil-kura ta’ klijenti, pazjenti u residenti fis-soċjetà tagħna.

“Minn meta lħaqt Segretarju ta’ din it-Taqsima, dejjem kienet ħolma tiegħi li l-care workers tal-privat li jaħdmu f’entitajiet tal-gvern jingħataw ekwita bħal ħaddiema oħra tal-gvern għax tassew dejjem wettqu dmirijiethom b’dedikazzjoni kbira. Dan ir-riżultat huwa prova ċara li meta naħdmu flimkien, niksbu riżultati li jagħmlu differenza fil-ħajja tal-ħaddiema. Il-prinċipju ta’ Paga Ugwali għal Xogħol tal-Istess Valur mhux biss jassigura ġustizzja, iżda jsaħħaħ il-valur tal-ħaddiema li jaqdu rwol essenzjali fis-soċjetà. Issa qed naraw li l-care workers għandhom kundizzjonijiet aħjar u ugwaljanza għax tassew dejjem emminna li jistħoqqilhom rikonoxximent xieraq,” temm jgħid is-Segretarju Bondin.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport