t-Taqsima Ospitalità u Ikel fi ħdan il-GWU tesprimi s-sodisfazzjon tagħha li permezz tal-ħidma tagħha b’impenn lejn ġustizzja soċjali u ugwaljanza fuq il-post tax-xogħol, il-liġi ta’ Paga Ugwali għal Xogħol tal-Istess Valur daħlet fis-seħħ għall-ħaddiema tat-tindif fl-Isptar Mater Dei impjegati ma’ Mediclean JV.
Prinċipju li l-GWU dejjem emmnet fih u ħadmet għal snin sħaħ biex ikun implimentat bħala liġi. Liġi li tirrappreżenta pass sinifikanti lejn ġustizzja u ugwaljanza għall-ħaddiema, li għal snin twal kienu jiffaċċjaw disparitajiet fil-paga, minkejja li jagħmlu xogħol simili.
“Wara diversi laqgħat li kellna qed issir ġustizzja ma’ dawn il-ħaddiema. It-trasparenza fil-pagi tevita l-inċertezza, il-perċezzjonijiet ta’ inġustizzja, u tnaqqas il-possibbiltà ta’ talbiet individwali. Nieħu l-okkażjoni biex nirringrazzja lill-persuni kollha nvoluti u lill-amministrazzjoni tal-kumpanija Mediclean JV għall-koperazzjoni tagħhom sabiex din il-kwistjoni ġiet riżolta,” qal is-Segretarju tat-Taqsima Kevin Abela.
Dawn il-ħaddiema issa se jkunu qegħdin jitħallsu l-pagamenti dovuti lilhom bl-arretrati hekk kif huma jwettqu l-istess xogħol ta’ ħaddiema oħra fl-istess settur, minbarra li se jkollhom l-istess kundizzjonijiet u paga.

