Sunday, November 24, 2024

IL-PRIVILEĠĠ PARLAMENTARI U R-RIMEDJU LIĊ-ĊITTADIN

Aqra wkoll

Matul il-milja tas-snin, il-Parlament Malti żviluppa lilu nnifsu b’mod li aġġorna ħafna mill-istanding orders tiegħu li għandhom ikunu osservati minn kull membru ta’ din l-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż. Madankollu, għad baqa’ xi jsir biex il-Parlament tagħna jsir aktar demokratiku. F’dan il-kuntest, qed nerġgħu nagħmlu referenza għal dak li tenna l-Ispeaker attwali Dr Anġlu Farrugia sabiex iċ-ċittadin ikun mhux biss ikun protett imma wkoll jingħata rimedju meta xi membru tal-parlament jorbtu ma’ xi allegazzjonijiet, taħt il-privileġġ parlamentari. 

Hawnhekk ntennu l-qbil tagħna ma’ dak l-Ispeaker għaliex ma jistax ikun hemm min jinħeba taħt il-privileġġ parlamentari biex jgħid dak li jrid, fuq min irid, mingħajr ma jissostanzja dak li jkun qal.  Kif diġà ilna ngħidu, għalhekk illum, aktar minn qatt qabel, nistgħu niftaħru li għandna demokrazija parlamentari attiva u li taħdem, b’danakollu imma nifhmu wkoll li d-demokrazija għandha wkoll il-limitazzjonijiet u l-problemi tagħha.

Irridu nammettu li l-privileġġ parlamentari huwa kontroversjali minħabba l-potenzjal tiegħu għall-abbuż. Iktar u iktar meta dan ikun attakk fuq min ftit li xejn jista’ jiddefendi ruħu kontra l-allegazzjonijiet li jsiru fil-konfront tiegħu.

U huwa f’dan il-kuntest li nistqarru li l-privileġġ parlamentari għandu bżonn jerġa’ jiġi rivedut minħabba li kien hemm okkażjonijiet fejn ġie abbużat għax kien użat ‘l barra mill-iskop li nħoloq għalih.  Għalhekk kien floku dak li reġa’ tenna u ddikjara Mr Speaker, Dr Anġlu Farrugia illi wasal iż-żmien li kull ċittadin ikollu d-dritt għar-rimedju. 

Ma rridux ninftehmu li aħna, b’xi mod, kontra l-privileġġ parlamentari imma mill-banda l-oħra lanqas nistgħu inkunu favur li persuna, għax tkun ġiet eletta membru tal-parlament, tibda taħseb li issa, li tgawdi mill-immunità parlamentari, hija meħlusa mir-responsabbiltà kollha ta’ għemilha.

Ladarba l-membri tal-Parlament huma regolati minn kodiċi ta’ etika fosthom li jridu jiddikjaraw l-assi tagħhom fi żmien stipulat hekk ukoll nemmnu li l-privileġġ parlamentari għandu jkun regolat minn kodiċi ta’ din ix-xorta għaliex b’hekk biss nassiguraw li ċ-ċittadin ikun konvint li d-diskorsi li jsiru fil-Parlament mir-rappreżentanti tal-poplu jkunu kollha veritieri.

Il-Parlament, bħala leġiżlatur huwa l-ogħla fost l-erba’ pilastri essenzjali tad-demokrazija. Għalhekk nistennew li l-imġiba tal-Membri Parlamentari għandha tkun waħda korretta, nieqsa minn kull diskors ta’ theddid u allegazzjonijiet li ma jwasslu mkien ħlief li l-poplu jitlef il-fiduċja f’din l-ogħla istituzzjoni ta’ pajjiżna.

Sport