Saturday, November 23, 2024

Il-Pro-Kanċillier ġdid tal-Università huwa l-Perit Karmenu Vella

Aqra wkoll

L-eks Kummissarju Ewropew, il-Perit Karmenu Vella, inħatar Pro-Kanċillier tal-Università ta’ Malta għal perjodu ta’ tliet snin. Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonnici sostna li l-profil għoli tal-eks Kummissarju Vella se jgħin biex l-Università ta’ Malta tkompli timxi ’l quddiem u ssaħħaħ ir-reputazzjoni tagħha kemm f’Malta, kif ukoll barra minn xtutna. 

Il-Perit Vella se jġib miegħu snin ta’ esperjenza fl-iktar strutturi importanti kemm f’Malta, kif ukoll fuq livell Ewropew, li żgur li se jkunu ta’ ġid għall-Università ta’ pajjiżna.

Vella serva għal ħames snin bħala Kummissarju tal-Unjoni Ewropea, inkarigat mill-Ambjent, is-Sajd u l-Affarijiet Marittimi. Qabel dan l-inkarigu, huwa serva bħala ministru f’diversi Kabinetti mmexxija minn erba’ prim ministri differenti u serva bħala membru tal-Kamra tad-Deputati bejn l-1976 u l-2014.

Huwa kiseb il-kwalifiki bħala Perit mill-Università ta’ Malta u speċjalizza b’Masters fix-Xjenza (Maniġġjar tat-Turiżmu) mill-Università ta’ Sheffield.

Il-Ministru Bonnici rringrazzja wkoll lill-Pro-Kanċillier uxxenti, l-Avukat Michael Sciriha, li serva b’mod impekkabbli għal seba’ snin f’din il-kariga u qal li m’għandux dubju li l-Avukat Sciriha se jkompli jikkontribwixxi għall-avvanz tal-Università ta’ Malta.

Sport