…”hemm bżonn anti-deadlock mechanism għal meta l-Oppozizzjoni tibqa’ ma taqbel mal-ebda proposta mingħajr raġunijiet validi”
“Il-Gvern ippropona żewġ kandidati sabiex jintlaħaq kunsens u ma jkun hemm l-ebda imposizzjoni. Meta l-Oppożizzjoni ma aċċettat l-ebda nominazzjoni u s’issa ma pproponiet l-ebda alternattiva formali, sar ċar li l-problema mhijiex nuqqas ta’ rieda mill-Gvern, iżda ħsieb u intenzjoni partiġġjana tal-Oppożizzjoni”.
Dan iddikjaratu d-Deputata Laburista Ramona Attard f’intevista ma’ dan il-ġurnal, hekk kif l-Oppożizzjoni Nazzjonalista ma qablitx man-nominata l-ġdida tal-Gvern għall-kariga ta’ Prim Imħallef u dan, għat-tieni darba, mingħajr ebda raġuni. Dan hekk kif il-Ġimgħa filgħodu saret laqgħa oħra bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni dwar il-materja.
Attard irrimarkat li l-l-Kostituzzjoni tipprevedi biex f’kaz li mozzjoni biex jinħatar Prim Imħallef ma tikseb l-ebda maġġoranza ta’ żewġ terzi, il-Prim Imħallef sedenti jibqa’ jservi u s-sistema ġudizzjarja tibqa’ taħdem normali.
Hija qalet; “Grazzi għal din il-klawsola Kostituzzjonali u mhux għall-Oppozizzjoni, il-Qrati tagħna baqgħu stabbli u jiffunzjonaw, mhux minħabba l-Oppożizzjoni. Kunsens ifisser sforz li jersaq lejn qbil u mhux veto permanenti. Istituzzjonijiet b’saħħithom jeħtieġu regoli tajbin u rieda politika responsabbli fl-interess tal-pajjiż.”
Fissret li fuq il-każ tal-ittra tal-Imħallef Lawrence Mintoff, hemm żewġ proċessi legali għaddejjin: wieħed wara li l-Prim Imħallef Mark Chetchuti bagħat l-ittra lill-Istandards Commissioners tal-Ġudikatura u ieħor wara rapport tar-Repubblika u Profs Arnold Cassola quddiem l-Istandards Commissioner għall-Membri Parlamentari.
Attard qalet ukoll; “ Il-Prim Ministru talab li l-ilment jiġi investigat mingħajr limiti ta’ żmien,jiġifieri li titneħħa l-preskrizzjoni. Xi mistoqsijiet parlamentari li kienu attribwiti li saru mill-Prim Ministru f’dik l-ittra, skont dak irrapurtat mill-media qatt ma saru minnu verament. Għalhekk issa nħallu l-proċessi jgħaddu b’serenità u b’fiduċja sħiħa fl-istituzzjonijiet kollha tal-pajjiż”
Enfasizzat li fuq riforma li hemm bzonn fil-qasam tal-ħatriet tal-Prim Imħallef, taħseb li l-aktar punti importanti hu li hemm bżonn riforma sabiex jiġi introdott anti-deadlock mechanism f’ċirkostanza fejn l-Oppozizzjoni tibqa’ ma taqbel mal-ebda proposta mingħajr raġunijiet validi. Qalet ukoll li hemm bżonn ukoll li tiġi estiża l-età tal-irtirar għall-membri tal-ġudikatura.
Tenniet tgħid li l-kariga ta’ Prim Imħallef tirrikjedi esperjenza u għerf fil-qasam legali u tal-Qrati, kuraġġ li jittieħdu decizjonijiet importanti u abbilita’ amministrattivi.



