Sunday, November 10, 2024

IL-PROBLEMA TAL-ASSENTEJIŻMU FL-ISKEJJEL

Aqra wkoll

Statistika li ġiet ippreżentata fil-Parlament mill-Ministru għall-Edukazzjoni Clifton Grima turi li fl-aħħar tliet xhur tas-sena li għaddiet, kien hemm 917-il student li jattendu skejjel tal-Istat u 40 student ieħor minn skejjel mhux tal-istat li fallew l-iskola għal aktar minn tlett ijiem.

Dan minnu nnifsu juri kemm il-problema tal-assentejiżmu fl-iskejjel għadha prevalenti. Din il-problema għandha wċuh differenti u hija riflessa wkoll mill-fatt li ammont ta’ studenti barranin jitilqu minn pajjiżna bla ma javżaw l-iskola. Dan bil-konsegwenza li dawn l-istudenti jiġu meqjusa bħala li qed ifallu milli jmorru l-iskola.

Biex jiġi verifikat jew ġustifikat l-assenza tagħhom issirilhom ukoll żjara fl-indirizz li jkollha l-iskola mill-ħaddiema soċjali tal-Kulleġġ rispettiv. 

Biex il-problema tiġi aktar analizzata nafu li d-Dipartiment tal-Edukazzjoni għandu mekkaniżmu fis-sens li l-istudenti jiġu segwiti mill-iskola konċernata u jekk jibqgħu jfallu ripetutatment mingħajr ġustifikazzjoni jiġu riferuti lill-ħaddiema soċjali fi ħdan il-Kulleġġi rispettivi.

Huwa essenzjali li tara li dawn it-tfal ma jintelqux għal riħhom, fl-istess ħin huwa ta’ sodisfazzjon li l-ħaddiema soċjali jaħdmu mill-qrib mal-familji ta’ dawn l-istudenti flimkien mal-iskola kkonċernata u l-professjonisti varji bil-għan li l-istudent jingħata l-appoġġ meħtieġ u jirritorna lura fil-bankijiet tal-iskola. Għaldaqstant, nifhmu l-importanza li l-iskola kif ukoll il-ħaddiema soċjali jimmoniterjaw l-attendenza tal-istudenti fuq bażi regolari sabiex l-interventi jsiru fil-ħin.

Għandna għax nifhmu wkoll li l-Ministeru tal-Edukazzjoni qed jaħdem qatigħ sabiex il-fenomenu tal-assentejiżmu mill-iskejjel jiġi minimizzat kemm jista’ jkun u bl-iktar mod mgħaġġel. F’dan l-ambitu qed issir ħidma wkoll biex jonqsu dawk l-istudenti li jagħżlu li jitilqu mill-iskola kmieni. 

Minkejja dawn l-isforzi kollha wieħed irid jara x’qed iwassal biex studenti jew ikunu assenti mill-iskola jew qed jitilqu kmieni. Jistgħu jkunu fatturi ekonomiċi kif ukoll fatturi oħra soċjali. Wieħed irid jara u jaħdem każ b’każ għaliex kull każ għandu l-istorja tiegħu.

Sport