Monday, December 23, 2024

IL-PROBLEMA TAL-ISKART F’PAJJIŻNA

Aqra wkoll

F’pajjiżna, sfortunatament, il-pjaga tal-iskart għadha magħna. Mhux darba jew tnejn li dan is-sit irrapporta li f’ċertu lokalitajiet għadek issib skart mormi bl-addoċċ anke fil-kampanja minn nies irresponsabbli.

Quddiem din is-sitwazzjoni, wieħed irid jara l-impatt negattiv li qed iħalli l-iskart kemm fuq l-ambjent naturali kif ukoll fuq saħħitna. Iżda mhux biss. L-iskart mormi fil-baħar ukoll qed ikun ta’ periklu kbir għal diversi speċi marittimi.

Minbarra l-problema tat-tibdil fil-klima, fattur ewlieni li qed iwassal għall-qerda tal-fkieren fil-baħar huwa l-plastik li jdum mijiet ta’ snin biex jiddiżintegra. Dan billi jispiċċaw jikkonsmaw minn dan il-materjal u joħloq problemi lis-saħħa tal-istess fekruna. 

Fl-aħħar xhur smajna kif mill-ibħra tagħna ġew salvati fkieren li jispiċċaw maqbudin saħansitra fi xbieki. Hawn ta’ min ifaħħar l-isforzi ta’ Nature Trust Malta li jieħdu ħsieb iż-żamma u l-kura ta’ dawn il-ħlejjaq tal-baħar li huma ta’ importanza kbira mhux biss għax jieklu l-bram imma wkoll għall-bijodiversita marittima. Waħda minn dawn il-fkieren inħelset mill-ġdid fil-baħar proprju lbieraħ.

Għaldaqstant huwa essenzjali li l-ibħra u l-bajjiet tagħna jibqgħu jinżammu nodfa, jibqgħu jkunu ta’ rikreazzjoni għall-familji Maltin u Għawdxin u għat-turisti, u mhux lok li jintrema’ l-iskart fihom. 

Wieħed irid japprezza wkoll l-isforzi tal-awtoritajiet lokali li fl-aħħar jiem f’diversi bajjiet imrammlin poġġew kontenituri apposta sabiex jintremew fihom il-loqom tas-sigaretti billi dawn jistgħu jkunu ta’ periklu kemm għall-pubbliku inġenerali u anke għall-ispeċi tal-baħar li jbejtu f’dawn l-inħawi. 

Lil hinn mill-bajjiet, il-ħidma f’dak li huwa ġbir ta’ skart mil-lokalitajiet tagħna kompliet għaddejja anke f’dan il-perjodu sħun tas-sajf. Biss biss, mill-kunċert tal-Isle of MTV il-ħaddiema tad-Diviżjoni għat-Tindif u l-Manutenzjoni ġabru xejn inqas minn 18-il tunnellata ta’ skart. Dan apparti l-ħidma li saret biex jinħaslu t-toroq kollha madwar l-avveniment.

Ninnotaw b’sodisfazzjon li n-negozjanti ngħaqdu flimkien fuq proġett bil-għan li jkun hemm alternattiva ta’ x’isir mill-fliexken tal-plastik wara li jkunu użati. Madankollu, sa issa għadna ma rajniex ebda waħda minn dawn il-magni installati. Għalhekk ta’ min iħeġġeġ biex dan isir mill-aktar fis possibbli. 

Ekonomija

Sport